Id-Deputati Nazzjonalisti Mario Galea, Clyde Puli u Kristy Debono mhumiex se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista fejn intqal li t-tlieta li huma ħadu dan il-pass għal diversi raġunijiet personali.
Clyde Puli kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Fl-ittra li ppreżenta lill-Kap tal-PN Bernard Grech, Puli qal li d-deċiżjoni li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss ħadha wara riflessjoni u diskussjoni mal-familja tiegħu u ma’ dawk qrib tiegħu.
Puli tenna li jinsab grat immens li ngħata l-privileġġ li jservi f’erba’ leġiżlaturi parlamentari, tliet termini ta’ kunsill lokali u 30 sena fl-istrutturi tal-partit.
F’kumment fuq il-midja soċjali, Kristy Debono rrirringrazzjat lill-Partit li ta l-privileġġ li taqdi lil pajjiżna u lill-poplu tiegħu. Qalet li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ għal dejjem id-dar naturali tagħha.
Intant, Mario Galea qal li ħaseb ħafna fuq din id-deċiżjoni u issa hija finali. Sostna li għalkemm għadujagħmel il-house visits, xi ħaġa li jibqa’ nagħmel tul il-leġiżlatura kollha, f’dawn l-aħħar ġimgħat irrifletta ħafna fuq x’jaqbel l-aktar għall-partit, jiġifieri jekk għanduxjerġa’ nikkontesta jew jagħtix ċans lil ħaddieħor.
Fuq il-midja soċjali, Galea kiteb: “Naqbel perfettament li l-politika teħtieġ demm ġdid. Imma, dejjem fl-opinjoni personali tiegħi, l-aktar importanti huwa li jkollna kandidati ta’ valuri u prinċipji u li jaraw il-politika biss bħala mezz ta’ servizz.”