Sunday, November 24, 2024

Tliet irġiel akkużati li ppjanaw l-attakki tan- 9/11 jilħqu ftehim mal-prosekuzzjoni

Aqra wkoll

Tlieta mill-irġiel akkużati li ppjanaw l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru, 2001 daħlu fi ftehim ta’ qabel il-proċess. Dan ġie kkonfermat mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti.

Khalid Sheikh Mohammad, Walid Muhammad Salih Mubarak Bin Attash, u Mustafa Ahmed Adam al-Hawsawi ilhom jinżammu snin fil-bażi tal-US Navy ta’ Guantanamo Bay, Kuba, mingħajr ma għaddew għall-proċess tal-Qorti.

Qed jiġi rraportat li l-irġiel se jwieġbu ħatja u li x’aktarx il-Prosekuzzjoni se taċċetta li ma titlobx il-piena tal-mewt. Sabiex it-tliet akkużati ma jingħatawx il-piena tal-mewt, dawn qablu li se jwieġbu ħatja tar-reati kollha, inkluż il-qtil ta’ 2,976 persuna. Dan qalu l-Kap Prosekutur Ammirall Aaron Rugh f’ittra.

L-irġiel ġew akkużati b’diversi akkużi, fosthom attakk ta’ persuni ċivili, qtil bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra u ħtif u terroriżmu. Huma mistennija jippreżentaw formalment it-talbiet tagħhom fil-Qorti matul il-ġimgħa d-dieħla.

L-irġiel kienu rappurtati li dak iż-żmien kienu għamlu talba ta’ garanzija mingħand il-president sabiex ma jinżammux f’iżolament, sabiex b’hekk ikollhom aċċess sabiex jingħataw xi tip ta’ trattament minħabba t-trawma li għaddew minnha.

F’kumment li ta wieħed raġel li tilef lill-martu kawża tal-attakk tan-9/11 qal li l-familji tal-vittmi kienu ilhom jistennew 23 sena biex jisimgħu x’ġara fil-Qorti. Huwa rrefera għat-tliet irġiel bħala ‘annimali’ li qatlu lill-maħbubin ta’ bosta persuni.

Sport