Saturday, December 21, 2024

Tliet Rumeni mixlija b’pick-pocketing

… jiffurmaw parti minn ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali

Aqra wkoll

Tlett irġiel Rumeni li jiffurmaw parti minn ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali tressqu l-Qorti llum mixlija b’serq mill-bwiet magħruf bħala ‘pickpocketing’.

Il-Pulizija qalet li dawn l-irġiel kienu allegatament imorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-aktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom. 

Mill-istħarriġ tal-Pulizija rriżulta li s-suspettati allegatament wettqu s-serq f’Malta fi ftit jiem matul ix-xhur tas-sajf illi għadda u telqu minnufih lejn pajjiż ieħor. 

Wara kollaborazzjoni ma’ pajjiżi barranin, flimkien mal-Europol u l-Interpol, irriżulta li l-istess persuni kien ilhom iwettqu dawn ir-reati f’diversi pajjiżi fl-Ewropa li jattiraw turisti sa mill-2010. 

Minbarra akkużi dwar pick-pocketing, ir-Rumeni kienu mixlija wkoll li hekk kif waslu Malta t-Tnejn li għadda b’titjira minn Budapest fl-Ungerija, serqu diversi oġġetti mill-ajruport.

Il-Pulizija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja u segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan fejn hemmhekk arrestawhom.

Theodor Dumirescu ta’ 54 sena, Vasilica-Ionel Harabagiu ta’ 40 sena u Marian Tanescu ta’ 39 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

L-imputati kienu mixlija wkoll b’ħasil ta’ flus, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bil-ħsieb li jwettqu reat f’pajjiżna, li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa u li saru reċedivi.

Huma baqgħu jinżammu arrestati wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom u l-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Francesco G. Refalo u Jake N. Darmanin mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kienu megħjuna mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Shawn Pawney. L-Avukat Lennox Vella deher għall-imputati.

Ekonomija

Sport