Saturday, November 30, 2024

Tliet sindki jilqgħu b’sodisfazzjon proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħhom

Tlett proġetti ta’ spazji ħodor fi ftit jiem... Reazzjoni waħda pożittiva mill-komunitajiet Maltin

Aqra wkoll

Gvern Laburista, permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, żamm kelmtu mar-residenti ta’ Birżebbuġa, Santa Venera u l-Marsa dwar proġetti ta’ spazji miftuħa għall-benefiċċju tar-residenti. Dawn it-tlett ġonna jgħoddu flimkien 15,400 metru kwadru.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, faħħar il-mod kif il-Gvern Ċentrali qed jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali biex iwettaq proġetti ambjentali. Eżempju ta’ dan huwa Ġnien l-Indipendenza, ġnien li ilu jeżisti għal 35 sena u li kien jeħtieġ xogħol qawwi ta’ riġenerazzjoni biex jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità tal-lum.

“B’konsultazzjoni ma’ Project Green, dan il-proġett sar bħala parti minn sensiela ta’ inizjattivi li qed jitwettqu flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Ġnien l-Indipendenza, li jkopri żona ta’ 1,700 metru kwadru, kien ilu f’kundizzjoni ħażina, b’diversi problemi strutturali u spazji mhux aċċessibbli. Flimkien ma’ proġetti ambjentali oħra li qed jitwettqu b’sinerġija, se nkomplu noħolqu spazji ta’ kwalità li finalment qed igawduhom il-familji Maltin u Għawdxin,” qal Scott Camilleri.

It-tieni proġett ta’ din il-ġimgħa minn Project Green sar fil-kumpless ta’ Hopsice Malta, f’Santa Venera. Ġnien illi se jservi ta’ spazju terapewtiku għall-pazjenti ta’ Hospice Malta li jkunu qed jirċievu kura paljattiva.

“Dan il-ġnien li jinsab fil-qalba tal-komunità Vendriża, se jkun qiegħed joffri serħan tal-moħħ, minħabba li l-istess ġnien joffri għajnuna mentalment u terapewtika għall-pazjenti tal-faċilità tal-Hospice. Għar-residenti tal-madwar ifisser ukoll, li art li setgħet tiġi żviluppata, minn issa ‘l quddiem se tibqa’ spazju aħdar,” stqarr is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera, Gianluca Falzon.

Ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa saret mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), ġnien li kien lok għall-abbużi u fi stat ta’ telqa kbira. Żona ta’ madwar 11-il tomna ta’ art ġiet irriġenerati bi tħawwil ta’ numru kbir ta’ siġar u arbuxelli filwaqt li huwa mgħammar b’tagħmir sostenibbli.

“Dan hu wieħed mit-teżori li għanda fil-Marsa li kien ilu bla manutenzjoni għal snin sħaħ u propju dan il-Gvern kien li wettaq il-wegħda tiegħu ta’ riġenerazzjoni ta’ dan il-proġett. L-iskopijiet ta’ din il-meravilja huma ħafna, eżempju, żoni għal-pikniks għar-residenti Marsin u l-pubbliku ġenerali. Nistgħu ukoll norganizzaw attivitajiet fih għat-tfal tal-iskejjel, u laqgħat edukattivi u lista li ma’ tieqaf qatt,” tenna s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Marsa, Luke Farrugia.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport