Saturday, May 4, 2024

Tliet snin ħabs għal raġel li seraq diffuser u e-scooter

Aqra wkoll

Raġel ta’ 23 sena weħel tliet snin ħabs wara li ammetta li seraq numru ta’ oġġetti.

Kaled Mukthar Ben Gamhur, kien akkużat li nhar l-10 ta’ Lulju 2022 seraq diffuser u għamel ħsara fuq vettura, li fil-11 ta’ Lulju 2022 seraq xi oġġetti mill-istess vettura li kien ikkawżalha xi ħsarat fil-jum ta’ qabel — liema vettura fil-jum imsemmi kienet ipparkjata fil-parkeġġ tal-Ajruport ta’ Malta. F’okkażjoni oħra, fit-12 ta’ Settembru 2022, seraq e-scooter mill-parkeġġ tal-Ajruport ta’ Malta.

Huwa ġie mixli wkoll li pprova jbigħ l-oġġetti li kiseb mis-serqiet li wettaq fit-tliet dati msemmija.

Meta ġiet biex tingħata s-sentenza, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-imputat kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fl-ewwel opprtunità li kellu. Qieset ukoll il-karattru refrettarju tiegħu u l-fatt li l-imputat hu maħkum mill-vizzju tad-droga, liema vizzju jixprunah iwettaq reati simili biex ikollu l-flus għad-droga, u li hu riċediv.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo, ikkundannatu tliet snin ħabs u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa biex jegħleb id-dipendenza li għandu fuq id-droga. Intant, il-Qorti rrakkomandat li l-imputat jibda programm residenzjali mill-aktar fis possibbli sabiex ikun jista’ jindirizza din id-dipendenza fi spazju kontrollat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.

Sport