Kaċċatur kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li spara fuq tajr protett u li pprova jaħrab waqt l-arrest tiegħu. L-inċident seħħ is-Sibt li għadda, fl-inħawi ta’ bejn Wied il-Għajn u Ħaż-Żabbar.
Simon Camilleri kien mixli b’kaċċa illegali, bil-pussess ta’ arma mingħajr liċenzja u li darab uffiċjal tal-pulizija b’mod ħafif.
L-Ispettur Elliot Magro spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienet irċeviet rapport mingħand BirdLife Malta dwar raġel li allegatament kien qed jispara fuq tajr protett. Qal li meta l-Pulizija marru fuq il-post u avviċinaw lir-raġel, dan rema’ l-arma u pprova jaħrab.
L-uffiċjali kien irnexxielhom iwaqqfuh u jarrestawh iżda huwa reġa’ pprova jaħrab, fejn ikkawża wkoll xi ġrieħi lil wieħed mill-uffiċjali.
Il-pulizija kien irriżultalha li l-imputat ma kellux liċenzja valida għall-kaċċa jew tal-armi, u s-serial number tal-arma kien ukoll tneħħa. Sitt snin ilu, huwa kien suġġett għal projbizzjoni tul ħajtu milli jikkaċċja.
Fil-Qorti, Camilleri ammetta għall-akkużi, bid-Difiża tgħid li l-imputat ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lill-uffiċjali tal-pulizija u kkawża biss ferita ħafifa f’mument ta’ paniku.
Il-Qorti kkundannat lil Camilleri għal tliet snin ħabs filwaqt li mmultatu €8,000. L-arma tiegħu ġiet ukoll ikkonfiskata.

