Monday, February 24, 2025

TLIET SNIN MILL-INVAŻJONI RUSSA FL-UKRAJNA 

Aqra wkoll

Bħal-lum tliet snin, l-Ewropa xxukkjat ruħha meta r-Russja ddeċidiet li tinvadi pajjiż ġar tagħha u sovran, l-Ukrajna.

Minn dakinhar, il-gwerra ma waqfitx tant li ta’ kuljum qed imutu kemm suldati miż-żewġ naħat u anke nies ċivili.

Din kienet gwerra li seħħet bla ebda provokazzjoni. Madankollu ġabet magħha konsegwenzi serji ekonomiċi li wasslu għal kriżi fis-settur tal-enerġija u mhux l-inqas fl-ogħli tal-prezzijiet.

Bla dubju li din il-gwerra ġabet tbatija fuq nies li huma ‘l bogħod minn din il-gwerra. Mhux biss imma wkoll li ġiegħlet miljuni ta’ Ukreni jitilqu mill-pajjiż u jfittxu kenn f’pajjiżi oħra.

Malta ntlaqtet minn dan, għalkemm forsi mhux daqs pajjiżi oħra, billi l-Gvern qed jissussidja l-ogħli tal-prezzijiet tal-enerġija iżda pajjiżna ma ħelishiex mill-inflazzjoni li kellha togħla ta’ kuljum.

Malta għax ġeneruża laqgħet għadd ta’ Ukreni u offritilhom l-għajnuna kollha li kienu jeħtieġu. Barra minn hekk, pajjiżna għen ukoll b’metodi oħra biex itaffi kemm jista’ jkun il-ħruxijiet li l-poplu Ukren għadu qed jaffaċċja.

U dan għamlitu billi għajnuna materjali u finanzjarja u wegħdet ukoll li se tkompli tagħmel dan.
Malta qed tikkonferma li se tibqa’ tmexxi ‘l quddiem kull ħidma biex flimkien mal-komunità internazzjonali, il-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi tagħha mit-territorju Ukren u b’hekk isiru l-ewwel passi għall-kisba lura tal-paċi.

Ħadd ma kien qed jistenna li 78 sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa kienet se terġa’ taffaċċja gwerra daqstant devastanti fuq l-għatba tal-kontinent tagħha. Għalhekk, il-vokazzjoni ta’ Malta li taħdem u tistinka għall-paċi tidher li tagħmel sens illum aktar minn qatt qabel.

Madanakollu, bil-Presidenza ta’ Donald Trump, jekk kien hemm viżjoni għal tmiem il-gwerra ħadet din żvolta oħra billi n-negozjati għall-paċi qed isiru bejn ir-Russi u l-Amerikani.

Dan imur kontra n-normalità fis-sens li l-Ukrajna tħalliet barra minn dawn it-taħditiet meta hija l-istess vittma tal-invażjoni Russa li kkawżat il-gwerra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport