Saturday, December 21, 2024

“Tlift ix-xogħol, u ma nafx kif ser inħallas il-manteniment”

Aqra wkoll

Minn Matthew Charles Zammit

Il-Covid-19 titfa pressjoni ikbar fuq il-każijiiet ta’ familji separati; l-avukat Robert Thake jelenka r-rimedji legali eżistenti f’każijiet bħal dawn

“Kont qiegħed inħallas manteniment ta’ madwar €1,000 fix-xahar lill-eks sieħba u lit-tifla tiegħi, imma issa spiċċajt mingħajr xogħol. M’għandix minn fejn inħallas għax-xaħar li ġej, aħseb u ara għal ta’ wara.” Kienet din il-karba ta’ wieħed mill-qarrejja tagħna, li tkellem mal-Orizzont fuq l-esperjenza personali tiegħu.

Din hija indubbjament storja simili għal diversi persuni f’Mallta u Għawdex, li minħabba l-ħerba ekonomika li ħalliet warajha l-Covid-19, qegħda tħalli effetti negattivi fuq il-finanzi, kif ukoll ir-relazzjonijiet interpersonali ta’ numru ta’ familji madwar Malta u Għawdex. Dawn huma familji li, wara li għaddew minn proċess ta’ separazzjoni jew divorzju li mhix dejjem kien feliċi, qegħdin jiffaċċjaw theddid finanzjarju, kif ukoll prattiku, għall-arranġamenti preċedenti li kellhom. 

Waħda minn dawn il-qarrejja saħqet ma’ dan il-ġurnal li hija għandha tifla tbagħti mid-dijabete, u allura kienet qegħda tiffaċċja theddida ikbar ta’ xi kumplikazzjoni mit-teħid tal-virus tal-Covid. “Madanakollu, is-sieħeb tiegħi għandu l-kustodja tat-tfal tiegħu maqsuma mal-eks-sieħba tiegħu, liema sieħba mhix qegħda tagħtini l-garanzija li t-tfal qegħdin jinżammu fi kwarantina.”

“Minix qiegħed inħossni komda li nżomm it-tfal tas-sieħeb tiegħi ġewwa l-istess dar, pero fl-istess ħin, huwa għandu d-dritt li jara lit-tfal tiegħu wkoll. Ninsab bejn ħalltejn fuq x’nista nagħmel.”

“Il-ħlas tal-manteniment ma jistax jitwaqqaf unilateralment”

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Dr Robert Thake, avukat u lettur tal-Liġi tal-Familja fi ħdan l-Universita ta’ Malta. Thake saħaq li l-ħlas tal-manteniment ma jistax jitwaqqaf unilateralment: “Minkejja ċ-ċirkostanzi straodinarji li l-pajjiż qiegħed jiffaċċja, legalment, il-pożizzjoni ta’ nies illi qegħdin jiffaċċjaw problemi finanzjarji baqa’ l-istess.”

“Il-manteniment illi jiġi maqbul bejn il-partijiet permezz ta’ kuntratt, jew hekk kif ordnat minn Qorti permezz ta’ sentenza jew digriet, irid ikompli jiġi mħallas sakemm ikun hemm digriet tal-Qorti illi jew inaqqas l-ammont ta’ manteniment, jew li jissospendi l-ħlas ta’ manteniment temporanjament.”

Thake saħaq li r-rimedju li persuni bi problemi finanzjarji relatati mal-pandemija tal-Covid-19 “huwa l-istess bħal dak illi jkollhom f’ċirkostanzi normali… trid issir talba biex il-manteniment jitnassas, u jekk l-introjtu jieqaf għal kollox, trid issir talba biex il-manteniment jiġi temporanjament sospiż. Dan isir permezz ta’ rikors quddiem il-Qorti, li għalih trid twieġeb in-naħa l-oħra. Jekk il-persuna ġġib il-provi meħtieġa, per eżempju ittra ta’ terminazzjoni ta’ impjieg, il-Qorti għandha tilqa’ t-talba.”

L-effett ta’ ‘ċirkostanzi supervenjenti’ fuq il-ħlas tal-manteniment

Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk il-provvedimenti legali li hemm bħalissa rigward il-ħlas tal-manteniment humiex aplikabbli fil-każ ta’ ċirkostanzi straodinarji bħal dawn, Thake tenna li “minkejja illi l-pandemija hija xi ħaġa straodinarja, ir-rimedju legali diġa teżisti. Il-liġi tagħna diġa tikkontempla sitwazzjonijeit fejn, wara digriet, sentenza jew kuntratt, ikun hemm dawk li jissejħu ċirkostanzi supervenjenti, u ċioe affarijiet li jistgħu jinqalaw li jħallu impatt negattiv fuq il-finanzi tal-persuna li trid tħallas il-manteniment.”

“Jekk jiinġiebu provi konkreti li juru illi l-mezzi ta’ min għandu jagħti l-manteniment naqsu, jew spiċċaw għal kollox għal raġunijiet lil’hinn mill-kontroll tal-persuna, il-Qorti għandha tilqa’ t-talba għat-tnaqqis jew sospensjoni, skont il-każ.”

Fuq l-irwol li l-għeluq tal-Qrati għandhom fuq proċeduri bħal dawn, Thake fakkar kif l-ewwel trid tiġi intavolata “talba biex il-Qorti tinfetah għall-persuna ħalli jressaq it-talba tiegħu. Jekk il-Qorti tqis illi r-rikors huwa fil-fatt urġenti, hija tilqa t-talba, imbagħad tkun tista ssir it-talba rigward il-manteniment.”

“Peress illi min ma jħallasx manteniment jista’ saħansitra jeħel ħabs, talba għar-riduzzjoni jew sospensjoni ta’ manteniment għandha titqies bħala waħda ta’ natura urġenti.”

Fejn tidħol il-kustodja tat-tfal, “is-sens komun għandu jirrenja”

Ftit tal-jiem ilu, dan il-ġurnal kien saqsa lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fuq l-opinjoni tagħha rigward dawk il-koppji separati, li jgħixu fi djar differenti, li għandhom il-kustodja tat-tfal tagħhom maqsuma bejniethom. 

Gauci saħqet li, bħala miżura tas-saħħa pubblika, “l-iktar ħaġa importanti hija li t-tfal ikollhom l-inqas kuntatt possibbli ma’ persuni li ma jappartjenux għall-famiilja immedjata tagħhom. Jekk tifel ikollu bilfors idur minn dar għal oħra, l-importanti huwa li dawk in-nies li jkunu d-dar dejjem jibqgħu l-istess nies. B’hekk, l-ammont ta’ persuni li l-wild ikollu kuntatt magħhom ikun wieħed minimu, u b’hekk jonqos iċ-ċans ta’ trasmissjoni tal-virus.”

Fuq dan il-punt, Thake saħaq kif, “minkejja li legalment l-aċċess xorta irid jingħata, madanakollu, is-sens komun għandu jirrenja, u jekk il-ġenituri tat-tfal jemmnu illi hemm il-possibilita’ ta’ ħsara fil-konfront ta’ uliedhom, għandhom jaħdmu flimkien biex jipproteġu lil ulliedhom mill-periklu tal-marda.”

Thake saħaq li, fejn il-ġenituri ma jaqblux fuq dan il-punt, “kwalunkwe parti għandha tagħmel rikors urġenti biex l-aċċess jiġi sospiż.”

“Il-Qorti tieħu deċiżjoni wara li tikkunsidra l-fatti kollha tal-każ speċifiku, u għalhekk huwa imperattiv li r-rikors ikun motivat sew, u intenzjonat b’mod ċar. Dan biex iservi l-aħjar interessi tal-minuri, u ma jkunx skuża biex itemm l-aċċess ta’ ġenituri taħt l-iskuża ta’ tħassib leġittimu.”

Ekonomija

Sport