Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop tella’ Christmas Market b’festa ta’ dawl ikkulurit li ta laqta’ maġika lil dan ir-raħal Malti. Din l-inizjattiva ġiet milqugħa tajjeb ħafna mir-residenti u minn dawk li għażlu li jidħlu fl-ispirtu tal-Milied billi jżuru dan il-Christmas Market.

Persuni li attendew kitbu messaġġi pożittivi għal dan l-avveniment fejn qalu li ħadu pjaċir ħafna u li x-xogħol sar tassew tajjeb. Kien hemm ukoll min qal li l-Christmas Market f’Ħal Kirkop, kien l-aħjar wieħed li qatt raw u żiedu li kien organizzat ħafna.

Fost l-istands kien hemm dak tal-Kunsill Pastorali Kirkop, ta’ Fondazzjoni Nazareth, taċ-Ċentru Leap, The Oasis Hardware, tal-Għaqda Mużikali San Leonardu, kif ukoll dik tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp. Ma naqsux il-vendituri tal-ħelu, dekorazzjonijiet u esebizzjoni tal-arti.