Wednesday, July 24, 2024

Tmien każi ġodda; Żewġ każi oħrajn fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar 24 siegħa saru 1,041 swabs li minnhom irriżultaw tmien każi ġodda ta’ persuni infettati għall-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tat-aġġornament dwar is-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-coronavoris f’pajjiżna.

Dan ifisser li l-każi ta’ persuni li rriżultaw pożittivi f’Malta issa telgħu għal 378. In-numru kumplessiv ta’ swabs li saru s’issa jammontaw għal 17,057.

L-ewwel każ huwa relatat ma’ safar mill-Ingilterra u jikkonċerna lil raġel Malti ta’ 61 sena li nġieb lura Malta fid-9 ta’ April permezz ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni. Meta kien l-Ingilterra diġà kien qed juri sintomi u wara li baqa’ jħoss is-sintomi minn testijiet li sarulu rriżulta pożittiv. Martu rriżultat negattiva, u l-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing ta’ dawk il-persuni li kienu abbord it-titjira.

It-tieni każ huwa marbut ma’ mara Maltija ta’ 58 sena. Hija bdiet turi sintomi fis-7 ta’ April. Ma kinitx qed tmur xogħol. Madankollu minħabba li x-xogħol tagħha jinkludi li taħdem ma’ familja oħra l-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing kemm ma’ din il-familja, u kif ukoll mal-familja diretta tal-mara.

It-tielet każ huwa ta’ raġel Malti ta’ 37 sena li beda juri sintomi fit-8 ta’ April li għadda. Huwa ma kienx qed jaħdem u qed isir contact tracing mal-familja tiegħu.

Ir-raba’ każ huwa dak ta’ mara maltija ta’ 50 sena li bdiet turi sintomi fid-9 ta’ April li għadda. Ma kinitx qed mur għax-xogħol u qed isir contact tracing mal-familja tagħha.

Il-ħames każ huwa dak ta’ taġel Malti ta’ 73 sena li beda juri sintomi fit-8 ta’ April li għadda. Huwa ma kellu l-ebda kuntatt ma’ persuni oħrajn u dan il-każ qed jitqies bħala li huwa kontenut.

Is-sitt każ huwa ta’ raġel Għawdxi ta’ 74 sena li beda juri sintomi ħfief. Minn testijiet li sarulu rriżulta pożitiv. Testijiet li saru lil martu rriżultaw negattivi.

L-aħħar żewġ każi huma ta’ żewġ immigranti miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li attwalment jinsab fi kwarantina. Dawn iż-żewġ immigranti, it-tnejn irġiel ta’ 25 u 21 sena rispettivament, irriżultaw pożittivi minn testijiet li qed isiru lill-immigranti bil-għan li tkun ikkontrollata l-firxa fost l-istess immigranti fiċ-ċentru miftuħ.

Ekonomija

Sport