Ajruplan żgħir privat iġġarraf f’binja ta’ uffiċini f’Milan. Kawża ta’ dan l-inċident tilfu ħajjithom tmien persuni.
L-ajruplan kien fi triqtu lejn Sardinia meta ġġarraf ftit distanza bogħod mill-istazzjon tal-Metro San Donato Milanese.
Skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittmi jinkludu pilota, kopilota u sitt passiġġieri oħra. Skont dawn l-istess rapport fost il-vittmi kien hemm tifel.
Ġirien li rrapurtaw dwar l-inċident qalu li semgħu ħoss kbir meta l-ajruplan iġġarraf fil-binja li fortunatament kienet battala minħabba li għaddej xogħol ta’ rinnovar.
Persuni li tkellmu mal-midja qalu li fit-triq kien hemm numru ta’ vetturi pparkjati li spiċċaw maħkumin minn nirien.
Skont l-ewwel rapporti jidher li dawk abbord kienu Franċiżi.