Sunday, December 22, 2024

Tmut il-kantanta popolari Brażiljana Marília Mendonça fl-età ta’ 26 sena

Aqra wkoll

Marília Mendonça, waħda mill-aktar kantanti kontemporanji popolari Brażiljana, sfortunatament mietet fl-età ta’ 26 sena wara li ġġarraf ajruplan li kienet fuqu.

Erba’ persuni oħra, li kienu zijuha, il-produttur tagħha u żewġ membri tal-ekwipaġġ, mietu wkoll f’dan l-inċident li seħħ f’żona rurali fix-Xlokk tal-istat ta’ Minas Gerais.

Intant, b’rabta ma’ dan l-inċident bdiet investigazzjoni biex tiddetermina x’wassal biex jiġġarraf l-ajruplan.

Mendonça saret famuża minħabba l-fatt li kienet tiffoka fuq l-esperjenzi tan-nisa b’relazzjonijiet romantiċi li fallew.

Fl-2016 hija kisbet suċċess b’diska li s-suġġett tagħha kien jittratta l-infedeltà. Il-kantanta żagħżugħa kienet magħrufa bħala “Queen of Suffering”.

Is-sena l-oħra, hekk kif il-kunċerti ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija, hija għamlet serje ta’ gigs online. Wieħed minnhom stabbilixxa r-rekord tal-aktar live stream li rawh nies fid-dinja, bi 3.3 miljun telespettatur fuq YouTube.

Ilbieraħ filgħaxija, Mendonça, omm ta’ tifel ta’ sentejn, kienet mistennija tagħmel kunċert fil-belt ta’ Caratinga, 12-il km ‘il bogħod minn fejn iġġarraf l-ajruplan. 

Ekonomija

Sport