Wednesday, August 26, 2026
Home Internazzjonali Tmut l-ikona tal-mużika country Dolly Parton

Tmut l-ikona tal-mużika country Dolly Parton

0
55

Dolly Parton, ikona tal-mużika country u filantropa mill-kbar, mietet f’Nashville fl-età ta’ 80 sena. Il-mewt tagħha tħabbret min-neputi tagħha Brian Seaver li ddeskrieviha bħala persuna li qatt ma kien hemm bieb li ma setgħetx tiftaħ, u l-bibien li fetħet ħolqu u bidlu l-istorja. Il-funeral tagħha se jkun wieħed żgħir u privat, skont ix-xewqa tagħha, qalet il-familja.

F’intervista li tat lir-rivista “People” il-ġimgħa li għaddiet, Dolly Parton żvelat li hija kienet qed tiffaċċja xi problemi ta’ saħħa li hija injorat u warrbithom fil-ġenb sabiex tkun tista tieħu ħsieb ta’ żewġha Carl Dean, li miet f’Marzu tas-sena l-oħra. Hija kienet miżżewġa li Carl Dean għal 60 sena sħaħ.

Fl-istess intervista  hija stqarret ukoll li għad għandha ħafna affarijiet li trid tikseb, u sostniet li kienet se tibqa’ taħdem sakemm tista’ biex tara li kollox isir realtà. 

Dolly Parton, li fi tfulita għexet f’faqar kbir f’Tennessee, l-Istati Uniti, saret ikona kulturali distintiva u brillanti. Kitbet mhux inqas minn 3,000 kanzunetta – inklużi suċċessi kbar tagħha stess bħal “Jolene” u “9 to 5” – u ħadet sehem f’diversi films ewlenin ta’ Hollywood.

F’ħajjitha, hija tat miljuni ta’ dollari f’donazzjonijiet lil għaqdiet tal-karità fl-istat tagħha u lil hinn minnu. Kienet artistà ta’ suċċess kbir u mara tan-negozju, b’interessi li jvarjaw mill-park tagħha tad-divertiment  Dollywood għall-kożmetiċi, ħwejjeġ għall-annimali domestiċi, u saħansitra stazzjon tas-servizz għat-trakkijiet.

Fost il-ħidma filantropika rinomata tagħha, il-Fondazzjoni Dollywood tqassam madwar 25 miljun ktieb kull sena fl-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, ir-Renju Unit u l-Irlanda, filwaqt li d-donazzjoni tagħha ta’ miljun dollaru għar-riċerka dwar il-Covid-19 serviet bħala l-bażi għall-vaċċin ta’ Moderna li kien approvat u ħareġ aktar tard.

Bħala waħda mill-personalitajiet li l-aktar kapaċi jgħaqqdu lin-nies fil-pajjiż, Parton irċeviet ġieħ minn persunaġġi famużi mid-dinja tal-mużika, iċ-ċinema, il-politika u oqsma oħra.

F’kitba twila u emozzjonanti fuq Instagram, l-attriċi Jane Fonda – li ħadmet magħha fil-film 9 to 5 – qalet li miljuni ta’ nies qed jibku t-telfa tagħha. Qalet ukoll li aktar minn kull persuna oħra li qatt iltaqgħet magħha, il-memorja ta Dolly se tibqa’ f’moħħ ħafna għax kienet tant preżenti, tant qawwija, tant ġeneruża u mimlija ferħ, li saret parti integrali mill-ħajja u se tibqa f’qalb ħafna nies għal dejjem.

Reba McEntire, kantanta oħra famuża tal-mużika country, li qasmet ritratt tagħha flimkien ma’ Parton fuq Instagram kitbet “Dolly, grazzi ta’ dak kollu mill-isbaħ li għamilt. L-imħabba tiegħek, il-mużika tiegħek u int stess tajt ħafna permezz tal-qalb kbira immens li kellek.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here