Sunday, December 22, 2024

TNAQQIS FIR-RATA TAL-KRIMINALITÀ U AKTAR FIDUĊJA FIL-PULIZIJA

Aqra wkoll

Ta’ sikwit il-Korp tal-Pulizija tisfa kkritikata inġustament u xi kultant anke akkużata b’ineffiċjenza. Madankollu l-fatti juru li dan mhuwiex il-każ. Tant li l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-fiduċja fil-pulizija ta’ Malta żdiedet sew. Minbarra hekk, minkejja li l-figuri għall-2022 għadhom ma ġewx ippubblikati, hemm indikazzjonijiet li għal darba oħra, reġgħet naqset ir-rata ta’ kriminalità li bla dubju żiedet il-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Korp huwa wieħed mis-sisien tas-sigurtà ta’ pajjiżna, u għalhekk nemmnu li jrid jadatta maż-żminijiet tal-lum billi jkompli jevolvi u jaġġorna ruħu b’tagħrif u mezzi moderni oħra. Dan huwa kruċjali biex l-uffiċjali jkunu aktar konxji tar-realtajiet ġodda li qegħdin jinħolqu minn żmien għal żmien u fl-istess waqt ikunu aktar viġilanti fil-mod ta’ kif jirreaġixxu quddiem sitwazzjonijiet differenti. B’dan il-mod, u anke perrmezz ta’ investiment ġdid li jkompli jgħin lill-uffiċjali f’xogħolhom, iċ-ċittadini jħossuhom aktar siguri u jkollhom iżjed serħan il-moħħ fil-komunitajiet tagħhom.

Kien għalhekk li l-Korp tal-Pulizija mbarka fuq strateġija li għandha twassal sas-sena 2025 biex ikun żgurat li jkollna soċjetà aktar sigurtà għal kulħadd. Strateġija li tinkorpora fiha tliet elementi ewlenin – korp eqreb tan-nies, korp aktar professjonali u korp aktar fdat.

Dan it-tiġdid fil-Korp rajnieh ikompli anke matul din il-ġimgħa bl-introduzzjoni ta’ uniformi ġdida għall-uffiċjali tal-Pulizija. Uniformi li se tagħti aktar kumdità lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, hija adattata għall-klima tagħna u fuq kollox hija waħda gender neutral. Dan l-investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro, jikkumplimenta investimenti oħra li saru fl-aħħar xhur, li minnhom infushom huma ta’ motivazzjoni għall-membri tal-Korp.

Insemmu pereżempju l-body cams, li bdew jintlibsu mill-uffiċjali li pprovdew sigurtà akbar għalihom waqt il-qadi ta’ dmirijethom. Dawn il-body cams kienu meħtieġa biex jiġu evitati atti ta’ aggressjoni fuq il-membri tal-Korp filwaqt li jgħinuhom fl-investigazzjonijiet tagħhom. 

Wieħed japprezza li x-xogħol tal-pulizija mhuwiex biss kontra l-kriminalità imma huwa vast ferm aktar minn hekk. Għaldaqstant il-pubbliku għandu jara fil-membri tal-korp bħala ħbieb u mhux bħala xi nies li qegħdin hemm biex jikkastigaw liċ-ċittadin. 

Nemmnu li investiment akbar fil-Korp tal-Pulizija jwassal biex tiżdied is-sigurtà u biex  l-uffiċjali jaqdu dmirhom aħjar fl-istess waqt li tkun imħarsa l-liġi. B’hekk tkompli titkattar il-fiduċja fl-istess Korp.

Ekonomija

Sport