Tuesday, April 23, 2024

Fl-Istati Uniti: Tifla ssib sinna ta’ razza ta’ kelb il-baħar li ilha estinta madwar 3.5 miljun sena

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Molly Sampson, tifla ta’ disa’ snin, sabet sinna li tappartjeni lil razza tal-klieb il-baħar li llum il-ġurnata hija estinta, magħrufa bħala “Otodus megalodon”, waqt li kienet tinsab fuq btala mal-familja tagħha għal żmien il-Milied fil-bajja ta’ Calvert f’Maryland, fl-Istati Uniti.

It-terminu “megalodon” fil-Grieg ifisser “sinna kbira”. Dan it-tip ta’ kelb il-baħar jikber iktar minn 66 pied bħala tul, jiġifieri nistgħu ngħidu li din hija waħda mill-ikbar razez ta’ klieb il-baħar li qatt eżistew f’wiċċ id-dinja. Huwa mifhum li din ir-razza partikolari ta’ klieb il-baħar ilha estinta madwar 3.5 miljun sena ilu. Daqshekk kienu ilhom ifittxu fejn spiċċaw is-snien ta’ din ir-razza id-dilettanti ta’ dawn it-tip ta’ fossili.

F’messaġġ li qasmet fuq il-midja soċjali, Alicia Sampson (omm Molly) żvelat li missier it-tifla sa minn ta’ età żgħira kien dilettant sew tal-fossili. Milli jidher, Molly ħarġet għal missierha għaliex s’issa rnexxielha ssib madwar 400 sinna waħedha meta kienet tmur ma’ missierha ħdejn il-baħar.

Hija kompliet tgħid li t-tfal tagħha, Molly u Natalie, dakinhar tas-sejba riedu jmorru jfittxu s-snien tal-klieb il-baħar. Is-sinna li sabet Molly kienet kbira daqs id it-tifla. Alicia kompliet tispjega li kien mument uniku għal Molly meta sabet din is-sinna għaliex qatt ma rnexxielha tiltaqa’ ma’ sinna daqshekk kbira daqs dik tal-magalodon.

Il-familja ta’ Molly ħabbru li s-sinna ħaduha l-Mużew Marittimu tal-lokal u li kien id-Dipartiment tal-Paleontoloġija li kkonferma l-identità tal-kelb il-baħar. Wieħed mill-kuraturi tal-Mużew iddeskriva din is-sejba bħala “fula f’qargħa” għaliex huwa rari ferm li jseħħ fenomenu bħal dan.

Sport