Friday, December 13, 2024

“Tnaqqis fit-taxxa għal kulħadd” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Il-Partit Laburista huwa l-Partit li jippremjak tal-bżulija. Għalhekk se nerġgħu nnaqqsu t-taxxi. Jekk il-poplu Malti u Għawdxi jafdani bl-ewwel mandat tiegħi fil-leġiżlatura li jmiss se nnaqqsu t-taxxa tad-dħul billi nwessgħu t-tax bands. Dan hu tnaqqis fit-taxxa għal kulħadd.”

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħataw aktar dettalji dwar il-proposti ta’ Gvern Laburista li jolqtu lill-familji, ħaddiema, negozji u self employed. 

Huwa qal li permezz ta’ twessigħ tat-tax bands hu stmat li se jitħallew €66 miljun fil-bwiet tal-familji, ħaddiema u self employed. Fl-istess ħin, il-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom speċjalment dawk bi dħul baxx u medju se jħossu l-akbar impatt pożittiv.

Dr Abela qal li b’dan it-twessigħ, il-ġenituri mhux se jiġu intaxxati fuq l-ewwel €12,200 ta’ qligħ fis-sena. Bl-istess mod, se titwessa’ t-tax bands tan-nies single u miżżewġin.

“It-twessigħ se nikkumplimentawh b’ċekkijiet aktar ġenerużi ta’ rifużjoni tat-taxxa. €24 miljun f’ċekkijiet,” kompla jispjega l-Prim Ministru. “Se nkunu qed nagħtu €90 miljun fis-sena lin-nies, lill-familji, lill-ħaddiema u lis-self-employed. Se nagħmlu dan għax nemmnu li bit-tnaqqis fl-income tax se nħallu aktar flus fl-idejn u nistimulaw it-tkabbir ekonomiku.” 

“Dan kollu nistgħu nagħmluh għax konna bilgħaqal. Se nagħmluh b’mod responsabbli għax il-finanzi tal-pajjiż jagħmluha possibbli. Żammejna kelmitna mal-familji, pensjonanti u self-employed billi f’kull budget naqqasna l-piż tat-taxxa tad-dħul.

“Tajna diġà ċekkijiet ta’ rifużjoni ta’ taxxa u meta kien hemm bżonn nassistu, assistejna b’€46 miljun f’ċekkijiet. Naqqasna t-taxxa fuq il-part-time u l-overtime u neħħejna t-taxxa fuq il-pensjonijiet. Miżuri li jagħmluna kburin u ħallew għexieren ta’ miljuni ta’ ewro fil-bwiet tan-nies u jekk tagħtuna l-fiduċja se nkomplu nsaħħu,” qal il-Prim Ministru.

Huwa qal ukoll li lin-negozji se titnaqqsilhom it-taxxa wkoll. Fuq l-ewwel €250,000 ta’ qligħ fis-sena, in-negozji se jaraw il-Corporate Tax Rate li tinżel minn 35% għal 25%. 

“Qed nagħmlu dan għax nemmnu li dak li nagħtu lin-negozjati tagħna se jwassal għal aktar ġid għall-Għawdxin u għall-Maltin. Il-flus li se nagħtuhom, se jkunu nifs biex jinvestu aktar, biex ikabbru l-operat u joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità.

“Magħna n-negozji jafu fejn qegħdin. Kif sabuna fi żminijiet diffiċli tal-pandemija se jerġgħu jsibu spalla fina issa fil-fażi importanti tal-irkupru. Kif diġa’ naqqasnilhom il-piżijiet se nnaqsulhom aktar,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li nistgħu nagħmlu dan kollu għax il-pajjiż matul dawn l-aħħar snin kellu ekonomija li kibret u ssaħħet u dan qed narawh li jkompli fiż-żmien li ġej.

Huwa qal ukoll li ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija tagħna se tkompli tikber b’ritmu sostanzjali se nkunu nistgħu sena wara l-oħra nnaqqsu t-taxxa u nżidu r-rifużjonijiet.

Huwa spjega li d-dħul mhux taxxabbli għall-ġenituri se jitla’ minn €10,500 għal €12,200. Dan filwaqt li d-dħul mhux taxxabbli għall-persuni single se jitla’ minn €9,100 għal €10,800 u d-dħul mhux taxxabbli għal persuni miżżewġa se jitla’ minn €12,700 għal €14,400.

“Dan se jagħmilha possibbli biex il-familji kollha minn tal-inqas se jkunu qegħdin jiffrankaw f’taxxa tad-dħul l-ekwivalenti għal €255 fis-sena,” spjega l-Ministru Caruana. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrja Silvio Schembri qal li dan hu Gvern li fil-mument tal-prova kien qiegħed ta’ spalla għall-familji u għan-negozji. Qal li n-negozji kienu hemm waqt il-pandemija, kienu hemm flimkien mal-Gvern sbiex rajna li jżommu l-impjegati kollha magħhom. 

“Issa jmiss li l-Gvern ikompli juri kemm verament bil-fatti huwa pro-market. Bi tnaqqis tal-corporate tax rate, se nkunu qed naraw li nagħtu impetus ġdid sabiex ikun sors ta’ dħul ieħor lill-istess negozji tagħna,” tenna l-Ministru Schembri.

Ekonomija

Sport