Thursday, April 18, 2024

M’GĦANDHIEX TKUN GWERRA BEJN GĦEDEWWA

Aqra wkoll

Tajjeb li meta tasal l-elezz­joni, aktar milli jisħnu l-irjus, għandhom jiċċaraw l-imħuħ biex issir għażla tajba għat-tmexxija ta’ pajjiżna. F’sistema demokratika u parlamentari bħal tagħna ċ-ċittadini jkollhom għażla quddiemhom ta’ kandidati u partiti u għandhomx il-libertà jagħżlu dak lil li jaħsbu hu l-aħjar għalihom u għall-famlji tagħhom u għal pajjiżhom. Imma żgur m’hemmx għalfejn li interess u ħidma politika jew għażla elettorali ssir gwerra bejn għedewwa. 

Ċittadin li jsegwi ħafna l-politika qalli: “ejja naqtgħu l-kliem “ħdura”, “mibgħeda” u “għira” mill-vokabularju tal-kelliema kollha tagħna, fix-xandir u kullimkien! Dan il-kliem ma jagħmel ġid lil ħadd. Mexxi l-kelma, speċjalment ma’ min imexxi l-istazzjonijiet ta’ radju u TV tagħna. Kliem li jistona mal-partit tagħna.”

Il-Partit Laburista twieled ftit aktar minn seklu ilu biex kull persuna tkun stmata indaqs u ssir ġustizzja ma’ kulħadd u ngħinu lil xulxin biex ngħixu aħjar. Flok mibegħda, tfigħ tat-tajn u insulenzi lejn xulxin, il-maġġoranza taċ-ċittadi­ni jridu jisimgħu kif se ntejbu l-ħajja f’pajjiżna u kif se niżviluppaw f’dinja li qed tkompli tinbidel u rridu ninbidlu u niġġeddu nkella naqgħu lura. Ħalli bħala partiti politiċi differenti nikkritikaw in-nuqqasijiet ta’ xulxin imma mhemmx għalfejn ninfexxu f’mibegħda u stmerrija lejn xulxin. 

Għandna nies kapaċi

Ftit ilu ltqajt ma’ Maltija li tmexxi kumpanija li tħaddem 61 ruħ f’servizzi ambjentali f’naħħiet differenti tad-dinja. Kienet qed tgħidli dwar l-isfidi li ffaċċjaw hi u n-nies tagħha fis-sentejn tal-Covid u kif b’koperazzjoni u għaqda bejniethom kabbru x-xogħ­ol tagħhom. Qaltli kemm taħdem biex tibni din l-għaqda fuq ir-rispett lejn kull persuna li taħdem magħha. Qaltli kemm ninqalgħu aħna l-Maltin fix-xogħol tagħna u kemm għandna grinta biex niffaċċjaw l-isfidi li jkollna u jirnexxilna minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tagħna. Inħossni kburi meta niltaqa’ ma’ Maltin bieżla, onesti u intelliġenti u lesti dejjem jitgħallmu u jaddattaw irwieħ­hom għall-bidliet ta’ żminjietna. 

Żminijiet ġodda, sfidi ġodda

Żminijiet mibdula jġibu sfidi ġodda f’kull qasam tal-ħajja. Anke fil-politika.

Il-Partit Laburista qed iħoss il-polz tal-poplu u warrab milli jkun gladjatur. Il-Partit Nazzjonalista huwa aktar magħluq fih innifsu u baqa’ maqbud fil-mentalità tal-gladjaturi. Il-Partit Laburista għaraf li l-ġlied tal-gladjaturi tas-seklu l-ieħor ma għadux jgħodd għaċ-ċirkostanzi tal-lum. 

Dakinhar il-partit ried jiġġieled biex iwettaq viżjoni kontra rwiefen kbar konservattivi. Kellhom isiru kruċjati mimlijin passjoni biex il-partit iwassal il-ħolm tiegħu u ma jħallix min jeqirdu. Dak il-ħolm tal-bieraħ huwa r-realtà tal-lum. Dawk ta’ taħt qed jgħixu aħjar u ħafna ħarġu mill-faqar. L-Indipendenza li ngawdu llum hija dik kif riedha tkun imfassla minn Mintoff… bla kap ta’ stat barrani, bla bażi militari, newtrali, b’separazzjoni bejn knisja u stat, b’servizzi soċjali fejn ħadd ma joħlom li s-saħħa, edukazzjoni u l-benefiċċji għall-batut inaqqashom kif iridu l-konservattivi madwar id-dinja. Il-pedament ta’ Malta moderna hi soċjalistà demokratika u anke l-PN kellu jiddakkar minnha.

Il-Partit Laburista ġġedded maż-żminijiet li biddel hu u bla bżonn ta’ kruċjati u ġlied tal-gladjaturi. Iż-żmien inbidel u aħna nbdilna u ġġeddidna miegħu. U nkomplu niġġeddu biex nibqħu nservu lil pajjiżna u lill-poplu tagħna llum u għada

Ekonomija

Sport