Bil-għan li l-pubbliku jkollu aċċess ferm aktar faċli għall-informazzjoni dwar kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi u min qed jingħata ċerti kuntratti, ġiet imnedija uffiċjalment il-pjattaforma ġdida WhoGotWhat.mt. Kif jimplika l-isem stess, dan is-sit għandu l-għan li jwieġeb għad-domanda ċara li spiss issir miċ-ċittadini: “min ħa xiex?”
Il-kreatur ta’ dan is-sit il-ġdid spjega li l-pjattaforma nħolqot primarjament biex isservi bħala għodda ċentrali ta’ trasparenza u kontabilità f’pajjiżna.
Il-pjattaforma, li hija proprjetà ta’ Who Got What Media, għandha bħala pubblikatur u editur lill-avukat Aron Mifsud Bonnici. B’esperjenza ta’ 30 sena fil-qasam legali kif ukoll interess qawwi fix-xjenza tad-dejta u l-ipprogrammar li jmur lura għat-tmeninijiet, Mifsud Bonnici spjega li dan il-proġett iġib flimkien żewġ dinjiet: il-qari dettaljat tar-rekords uffiċjali mil-lenti ta’ avukat, flimkien mal-użu prattiku tas-software.
Fuq dan is-sit, kulhadd issa jista’ jsib bażi ta’ dejta aġġornata li tiġbor flimkien, f’post wieħed, id-dettalji kollha dwar dirett orders, tenders, u kuntratti varji mogħtija lill-privat.
Għalkemm ħafna minn din l-informazzjoni diġà tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-Gazzetta tal-Gvern matul is-snin, il-proċess biex wieħed isibha mhux dejjem kien wieħed sempliċi. L-għan ta’ WhoGotWhat huwa proprju li jissimplifika din ir-riċerka u jagħmilha aktar viżwali.
B’hekk, minflok ma wieħed iqalleb f’dokumenti twal, l-utenti jistgħu jagħmlu tfittxija sempliċi permezz tal-isem tal-kumpanija jew tal-individwu.
F’editorjal miktub għall-okkażjoni tat-tnedija tas-sit elettroniku, Mifsud Bonnici jidħol fid-dettall dwar x’wasslu biex jibni dan is-sit. “Nemmen bis-sħiħ li t-trasparenza hija l-pedament ta’ soċjetà ġusta. Is-sit whogotwhat.mt ipoġġi l-informazzjoni f’idejn iċ-ċittadin billi jagħti stampa ċara u trasparenti ta’ fejn qed imorru l-fondi pubbliċi,” temm jgħid l-avukat Mifsud Bonnici.
Il-pjattaforma l-ġdida diġà tinsab online u hija aċċessibbli b’xejn għal kulħadd. Għal aktar informazzjoni jew biex tibda tuża din l-għodda, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku uffiċjali whogotwhat.mt
