Il-football Malti jinsab f’luttu meta tħabbret il-mewt tal-eks player internazzjonali Malti u ta’ Floriana, SILVIO DEMANUELE, fl-etá ta’ 65 sena.
Huwa twieled nhar is-17 ta’ Lulju, 1961, u kien prodott ta’ Floriana. Huwa kien għamel id-debutt mal-Greens, nhar l-24 ta’ Diċembru, 1977, fit-telfa ta’ 1-0 kontra Hibernians.
B’kollox fil-kampjonat lagħab 92 partita li fihom skorja 19-il goal, fejn lagħab għal disa’ staġuni, sal-1987-88, bir-rekord ikun ta’ 37 rebħa, 26 draws u 29 telfa. Huwa lagħab 59 partiti sħaħ, huwa ġie sostitwit fi 17-il partita u ġie utilizzat bħala sostitut għal 16-il-logħba.
Fil-kompetizzjoni tal-FA Trophy lagħab 19-il partita u skorja 8 goals.
Fl-1984, Silvio emigra lejn l-Awstralja fejn lagħab ma’ Melita Eagles, fl-Australian National League Soccer.
Fl-istaġuni bejn l-1990/91 u l-1995/96 huwa lagħab ma’ Naxxar Lions, hekk kif lagħab ħames partiti fl-ogħla diviżjoni.
Huwa lagħab ukoll ma’ Zebbug Rovers (1995/96) f’Għawdex biex imbagħad temm il-karriera ma’ Għaxaq (1996/97) fl-Ewwel Diviżjoni.
Demanuele libes il-flokk nazzjonali seba’ darbiet hekk kif iddebutta nhar it-30 ta’ Marzu, 1983, fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Irlanda, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew.
Is-sitt partiti l-oħra kienu: kontra Spanja (2-3); Islanda (0-1); Libja (0-4); Irlanda (0-8); Olanda (0-5); Spanja (1-12) … bl-aħħar konfront ikun hu li skorja għall-Maltin.
Barra minn hekk, Silvio jiġi wkoll in-neputi tal-leġġendarju Pullu Demanuele magħruf aħjar bħala “Il-Koku” li lagħab ma’ Floriana bejn l-istaġuni 1947/48 u 1963/64, b’total ta’ 197 partita tal-kampjonat li fihom skorja 101 goals.
talk.mt joffri l-kondoljanzi lill-familja Demanuele.




