Il-Ħadd filgħodu, fil-kappella tal-Isptar Mater Dei, saret quddiesa b’tifkira tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.
Din kienet l-ewwel quddiesa organizzata minn Doctors for Road Safety, li għaliha kienu mistiedna qraba u ħbieb ta’ persuni li tilfu ħajjithom fit-toroq Maltin.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof saħaq li l-inċidenti tat-traffiku mhumiex sempliċement statistika, iżda wara kull numru hemm bniedem, familja mnikkta u komunità li ġġarrab it-telfa.
Huwa appella għal aktar responsabbiltà fis-sewqan, edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq, infrastruttura aktar sigura u infurzar tar-regolamenti tat-traffiku.
“Kull darba li nsuqu b’attenzjoni u responsabbiltà, inkunu qed nagħmlu l-għażla favur il-ħajja,” sostna l-Isqof Galea-Curmi.
