Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ is-servizzi u r-riżorsi tal-Victim Support Agency, fosthom permezz tal-ftuħ ta’ uffiċċju ieħor sabiex is-servizzi jkunu aktar aċċessibbli għall-komunitajiet f’Malta u Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Budget 2027 għall-Ministeru tiegħu.
Il-Ministru saħaq li l-vittmi tal-kriminalità jeħtieġu gwida, protezzjoni u appoġġ biex jerġgħu jieħdu kontroll ta’ ħajjithom. Enfasizza wkoll l-importanza ta’ investiment kontinwu fis-sigurtà pubblika, fl-infurzar tal-liġi u fil-ġestjoni tal-immigrazzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Conrad Borg Manchè kkritika n-nuqqas ta’ miżuri fil-Budget għall-membri tal-Forzi Dixxiplinati li għadhom fis-servizz, filwaqt li qajjem mistoqsijiet dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-droga u ċ-ċiberkriminalità.
