Wednesday, December 25, 2024

Tnedija ta’ Park Fitness bi ħsieb li titqajjem kuxjenza fuq is-saħħa fiżika

Aqra wkoll

Bi ftit jiem biss ’il bogħod mill-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ħabbru inizjattiva bl-għan li jiżdied l-għarfien fuq is-saħħa mentali permezz tal-eżerċizzju fiżiku.

Parks Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli ħarġu b’kunċett ta’ Parks Fitness fejn qed jinkoraġġixxu lill-pubbliku biex jagħmel eżerċizzju fil-parks kollha f’pajjiżna permezz ta’ videos ippubblikati fuq il-website: www.parksmaltafitness.com.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru Dalli spjegat dwar l-importanza tal-attività fiżika u dik tas-saħħa mentali.

“Irridu mmorru lil hinn mill-ħsieb li l-parks għandhom użu wieħed biss – dak li jintużaw għal picnics. Bl-inizjattiva tal-lum, qed inżewġu l-aspett tal-eżerċizzju fiżiku mas-saħħa mentali, fejn qed inħeġġu lill-pubbliku biex jagħmel użu minn dawn il-parks waqt li jagħmel eżerċizzju, fejn Park Fitness se tkun qed tipprovdi eżerċizzji ta’ livell inizjali, intermedjarju u dak avvanzat,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Fost l-objettivi li għandha Parks Malta, wieħed huwa li tkompli ssaħħaħ u toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pubbliku permezz ta’ spazji miftuħa. L-użu tal-Park ta’ San Klement huwa eżempju wieħed ta’ kif il-parks u l-ispazji miftuħa madwar Malta u Għawdex jistgħu jintużaw għal tipi ta’ rikreazzjoni differenti. Għalhekk ukoll, Parks Malta kontinwament qed tinvesti biex aktar spazji miftuħa  jiġu riġenerati biex aktar nies igawdu minn ambjent sigur u nadif.

“Min-naħa ta’ Parks Malta, kontinwament qed ninvestu f’aktar spazji miftuħa u siguri, fejn il-pubbliku jkun jista’ jagħmel eżerċizzju waqt li jirrilassa,” irrimarkat l-Ministru Dalli.

Min-naħa tagħha, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif inizjattivi bħal dawn huma importanti biex inkomplu nippromwovu s-saħħa mentali u dik fiżika. 

“Bħala Supretendent għas-Saħħa Pubblika, huwa l-irwol tagħna li nagħtu appoġġ għall-ħajja aħjar, fejn ninvestu fil-ħajjiet tan-nies u nħeġġuhom jgħixu ħajja aktar b’saħħitha. Għalhekk, bl-inizjattiva tal-lum se nkunu qed inkomplu ninkoraġġixxu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ spazji miftuħa u ambjent aktar sigur,” stqarret il-Professur Gauci.

Ekonomija

Sport