Tuesday, April 21, 2026

Tnedija ta’ servizz onlajn ġdid għar‑riċerka tat‑testmenti sigrieti

Minn proċess li kien jieħu ġimgħat għal servizz diġitali li jieħu ftit minuti

Aqra wkoll

Il‑Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, nieda servizz onlajn ġdid u innovattiv li jiffaċilita r‑riċerka dwar l‑eżistenza ta’ testmenti sigrieti, pass ieħor importanti lejn ġustizzja aktar moderna, effiċjenti u aċċessibbli għaċ‑ċittadini.

F’konferenza li nżammet f’Palazzo Conte, waħda mill-binjiet il-ġodda tal-Qorti u li tinkludi wkoll ir-Reġistru tal-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, il-ministru spjega kif dan is‑servizz jindirizza proċess sensittiv u ta’ responsabbiltà kbira, li sal‑lum kien jitwettaq b’mod manwali u kien jinvolvi dewmien ta’ ġimagħtejn sa tliet ġimgħat.

“Is‑sena li għaddiet biss ġew ippreżentati ’l fuq minn 13,000 talba għal riċerki ta’ testmenti sigrieti. Iċ‑ċifri juru kemm dan is‑servizz huwa essenzjali. Illum, grazzi għad‑diġitalizzazzjoni, qed ngħaddu minn proċess li kien jieħu ġimgħat għal wieħed li jieħu biss ftit minuti,” qal Dr Attard.

Il‑ministru fakkar li testment sigriet, b’differenza minn testment pubbliku, ma jiġix irreġistrat fir‑Reġistru Pubbliku u l‑eżistenza tiegħu tibqa’ mhux magħrufa sakemm il‑persuna tmut. Huwa biss wara l‑mewt li wieħed jista’ japplika biex jiġi vverifikat jekk jeżistix testment sigriet jew le, u jekk ir‑riċerka tkun pożittiva, avukat jew nutar ikun jista’ jitlob il‑pubblikazzjoni tiegħu skont il‑liġi.

Bis‑servizz onlajn il‑ġdid, iċ‑ċittadini u l‑professjonisti jistgħu jagħmlu t‑talba mill‑uffiċċju jew mid‑dar tagħhom. Il‑ħin ta’ stennija se jitnaqqas drastikament hekk kif iċ‑ċertifikat bir‑riżultat jintbagħat immedjatament. Dan ifisser ukoll li l‑ħaddiema tal‑Qorti tal‑Ġurisdizzjoni Volontarja se jingħataw aktar spazju biex jiffukaw fuq każijiet li jirrikjedu analiżi u ġudizzju aktar fil‑fond.

Il-Ministru Attard spjega kif dan huwa eżempju ċar ta’ kif it‑teknoloġija qed tintuża b’mod responsabbli biex ittejjeb il‑ħidma tal‑bniedem u mhux biex tissostitwixxih.

Fl‑istess okkażjoni, Dr Attard sellem lill‑Imħallef Abigail Lofaro, li ġiet assenjata biex tissorvelja x‑xogħol kollu tal‑Qorti tal‑Ġurisdizzjoni Volontarja, u awguralha suċċess fil‑ħidma tagħha.

Il‑ministru rringrazzja wkoll lill‑istakeholders kollha, b’enfasi partikolari lill‑Kamra tan‑Nutara, u nnota kif id‑djalogu kontinwu mal‑professjonisti tas‑settur kien kruċjali biex dan il‑proġett sar realtà. Huwa fakkar li kienet proprju diskussjoni dwar id‑dewmien fil‑proċess li xprunat il‑bidla minn sistema arkajka għal waħda diġitali, u llum għal servizz onlajn sħiħ.

Dr Attard tenna l‑impenn tal‑Gvern li jkompli jinvesti fil‑ġustizzja, kemm permezz ta’ riformi leġiżlattivi kif ukoll b’investiment tanġibbli f’ambjenti u kundizzjonijiet tax‑xogħol aħjar.

“Hemm momentum qawwi ta’ riformi u progress fil‑ġustizzja. Għad fadal ħafna xi jsir, iżda aħna determinati li nkomplu nwettqu l‑bidla,” temm jgħid il-ministru, filwaqt li rringrazzja lill‑Aġenzija għas‑Servizzi tal‑Qorti u lill‑ħaddiema kollha li ħadmu biex dan is‑servizz sar realtà.

Dan is‑servizz il‑ġdid huwa prova konkreta tal‑impenn favur ġustizzja moderna, effiċjenti, trasparenti u li tħares id‑dinjità taċ‑ċittadini.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport