Thursday, December 26, 2024

Tnedija ta’ skema li tippromwovi l-innovazzjoni u l-użu tax-xjenza fil-komunità

L-għan ta’ din l-iskema hu li ssostni finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet volontarji reġistrati għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi fil-komunità.

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda skema ġdida li tippromwovi l-innovazzjoni u l-użu tax-xjenzi fil-komunità permezz tat-tixrid tal-għarfien u l-użu tagħhom fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. L-għan ta’ din l-iskema hu li ssostni finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet volontarji reġistrati għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi fil-komunità.

Waqt it-tnedija tal-fond, il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva din l-iskema bħala waħda importanti li se twassal lill-komunitajiet tagħna biex jifhmu aħjar il-ħtieġa tal-innovazzjoni, ir-riċerka u s-suġġetti xjentifiċi anke fuq livell lokali fi ħdan l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet volontarji li tant jagħmlu ġid fil-komunità.

Il-Ministru Bonnici sostna li, “Il-gvern irid ikompli jqarreb il-komunitajiet Maltin lejn ix-xjenzi u jkompli jeduka lis-soċjetà dwar kif dawn jaffetwawna fil-ħajja ta’ kuljum, permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jagħmlulna l-ħajja aħjar u iktar faċli”.

Ġie allokat total ta’ €175,000 għas-sena 2021, li se jkun amministrat mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Kull organizzazzjoni tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €10,000.

Sabiex l-organizzazzjonijiet jibbenefikaw minn dan il-fond, hu meħtieġ li joħorġu bi proposti għal proġetti innovattivi. Proposti li jużaw approċċ b’enfasi fuq ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM) bħala punti ta’ aċċess biex jiggwidaw proċessi ta’ tagħlim, djalogu u ħsieb kritiku li jwasslu biex it-teorija u l-prattika jitħaddmu flimkien huma eliġibbli wkoll.

Is-Sur Alistair Borg, Direttur għall-Istrateġija u Sapport fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti  tal-istess ministeru, qal li, “Din l-iskema nħolqot bl-għan li toffri għajnuna u sapport lill-komunità, speċjalment fid-dawl tal-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19. Din l-iskema tkompli tikkumplimenta wkoll l-isforz tal-ministeru biex ikompli jkabbar l-għarfien dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-soċjetà Maltija”.

L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jkunu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati.

Il-linji gwida dwar kif wieħed għandu japplika għal dan il-fond huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ministeru mfer.gov.mt. L-applikazzjonijiet kollha qed jintlaqgħu biss online sas-26 ta’ Settembru 2021 f’nofsinhar. Għal iktar informazzjoni u għajnuna, wieħed jista’ jibgħat email lil [email protected].

Ekonomija

Sport