Saturday, December 21, 2024

Tnedija ta’ skema mill-Awtorità tal-Artijiet – Reviżjoni ta’ kiri ta’ proprjetà kummerċjali u rikonoxximent tal-werrieta

Madwar 400 negozju se jibbenefikaw mill-iskema

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri nieda l-iskema tal-Awtorità tal-Artijiet li tirrigwardja r-reviżjoni tal-kirjiet kummerċjali u r-rikonoxximent tal-werrieta.

Il-Ministru Schembri spjega li bħalissa hemm 400 kirja kummerċjali fuq proprjetajiet tal-gvern li skadew jew waslu biex jiskadu, kif ukoll numru kbir ta’ kirjiet li għalkemm jeħtieġu li jiġġeddu huma wkoll sospiżi minħabba ż-żieda fil-valur tal-kera. Bosta minn dawn il-kirjiet kummerċjali huma ġeneralment meqjusa bħala negozji tradizzjonali, immexxija mill-familja, bi dħul limitat.

Fil-fatt, ix-xenarju li wassal għal din l-iskema wera żieda tal-valur tal-kera rivedut, u witta t-triq għall-intervent tal-Awtorità tal-Artijiet fit-twaqqif ta’ din l-iskema. “Bħala gvern, permezz ta’ din l-iskema qed infittxu li nipprovdu soluzzjoni ġusta u affordabbli bl-għan li ngħinu lin-negozji kollha li bħalissa jinsabu f’din is-sitwazzjoni. L-iskema hija limitata għal dawk il-kirjiet li skadew u dawk li qed jistennew li jiġġeddu,” qal il-Ministru Schembri.

Spjega li, filwaqt li l-iskema hija limitata għal dawk il-kirjiet li skadew u oħrajn li qed jistennew li jiġġeddu, kirjiet li se jiskadu dalwaqt, sal-aħħar tas-sena 2023, jikkwalifikaw ukoll. L-iskema se tilqa’ t-talbiet kollha għar-rikonoxximent tal-werrieta sal-aħħar tas-sena 2023.

Il-Ministru Schembri spjega li l-Awtorità tal-Artijiet identifikat tliet xenarji li se jkunu ta’ benefiċċju għas-sidien.

L-ewwel xenarju jirrigwarda d-detenturi tal-kera li għandhom kirjiet skaduti jew kirjiet li waslu biex jiskadu sa tmiem l-2023, li jew irrifjutaw termini ġodda jew lanqas biss applikaw għat-tiġdid tal-kera. F’dan il-każ, kirjiet kummerċjali li saru qabel il-25 ta’ April 2017, u li issa skadew, jew għandhom jiskadu qabel tmiem l-2023, għandhom jiġu mġedda awtomatikament b’żieda annwali standard ta’ 5% sad-data ta’ skadenza tal-1 ta’ Ġunju 2028.

It-tieni xenarju huwa dak ta’ detenturi ta’ kirjiet li aċċettaw li jġeddu l-kera u li qed iħallsu r-rati riveduti iżda li l-kera tagħhom tiskadi qabel l-1 ta’ Ġunju 2028. F’dan il-każ, estensjoni awtomatika sal-1 ta’ Ġunju 2028 tapplika flimkien ma’ rifużjoni għad-differenza fir-rati billi jingħata avviż ta’ nota ta’ kreditu, kif ukoll jistabilixxi valur ġdid tal-kera ta’ + 5% fis-sena mill-aħħar data li tkun skadiet il-kera. Il-kirjiet kummerċjali li saru qabel il-25 ta’ April 2017 u li issa skadew jew għandhom jiskadu qabel tmiem l-2023 għandhom jiġġeddu awtomatikament b’żieda annwali standard ta’ 5% mid-data tal-iskadenza sal-1 ta’ Ġunju 2028.

It-tielet xenarju huwa dak tad-detenturi tal-kera li diġà aċċettaw it-tiġdid u qed iħallsu r-rati riveduti, iżda li l-kera tiskadi wara l-1 ta’ Ġunju 2028. F’dan il-każ, id-detenturi tal-kera jistgħu jżommu l-ftehim tal-kera attwali, flimkien mar-rati tal-kera u d-data ta’ skadenza kurrenti, jew inkella jaċċettaw it-tiġdid tal-kirjiet kummerċjali u r-reviżjoni tar-rati tal-kiri tal-2021, f’liema każ id-data tal-iskadenza tal-kera għandha tinbidel għal dik tal-1 ta’ Ġunju 2028.

Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-werrieta, il-Ministru Schembri spjega li qabel ma twaqqfet din l-iskema, meta kera kummerċjali tgħaddi minn missier għal iben kienet issir l-istima peritali. Issa, l-eredi se jiġu rikonoxxuti u se tiġi applikata ż-żieda tal-kera ta’ 5% fis-sena.

Il-Ministru Schembri qal li se jintbagħtu ittri uffiċjali lis-sidien kollha li huma eliġibbli li jibbenefikaw minn din l-iskema.

“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li f’ċirkostanzi diffiċli, bħala gvern qed nistinkaw biex ma nħallu lil ħadd warajna. Permezz ta’ din l-iskema, fittixna li mhux biss nilħqu n-negozji kollha imma ntaffu b’mod tanġibbli kwalunkwe tbatija bla bżonn. Din l-iskema qed tilħaq lin-negozji kollha sabiex inkomplu nnaqsu l-isfidi li dawn in-negozji qed jaffaċċjaw preżentament. Iktar minn hekk, se naraw li l-iskema tkun replikata f’aspetti oħra fejn għandu x’jaqsam kirjiet, sabiex inkomplu nnaqsu proċeduri burokratiċi,” qal il-Ministru Schembri.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella spjega li s-sidien li jikkwalifikaw għall-iskema se jiġu notifikati permezz ta’ ittra uffiċjali li se tinkludi wkoll fattura bir-rati l-ġodda. Barra minn hekk, dawk is-sidien li diġà ħallsu r-rata tal-valur tas-suq (stima peritali) se jiġu kkuntattjati mill-Awtorità, li min-naħa tagħha se tispjega l-iskema fid-dettall, inkluż l-eliġibbiltà tagħhom għal rifużjoni, kif ukoll il-ħlas skont ir-rati l-ġodda.

“Dan qed isir biex tkun żgurata soluzzjoni ekwa li tinkludi lil dawk li diġà ħallsu jew aċċettaw ir-rati l-ġodda. Fl-istess ħin, l-Awtorità qed tħares lejn skemi ġodda immirati għall-inkwilini, sabiex jiġi żgurat li din tkun kontinwament reattiva għall-ħtiġijiet attwali u biex tħeġġeġ investituri ġodda jsegwu l-impriżi tagħhom u jimpenjaw ruħhom biex jikru proprjetà tal-gvern għal skopijiet kummerċjali,” qal is-Sur Vella.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq is-servizz tal-customer care tal-Awtorità tal-Artijiet – 1577.

Ekonomija

Sport