Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-HSBC Malta Foundation u JA Malta, illum nieda ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza fil-Kapaċità Finanzjarja u l-Intraprenditorija (CoE). Din l-inizjattiva innovattiva għandha l-għan li tagħti lill-edukaturi u lill-istudenti ħiliet essenzjali ta’ litteriżmu finanzjarju u intraprenditorija, biex tħeġġeġ ġenerazzjoni li tkun kapaċi tieħu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati u li tikkontribwixxi b’mod pożittiv fis-soċjetà. L-inizjattiva tas-CoE hija frott ta’ kollaborazzjoni flimkien ma’ kapijiet ta’ skejjel, edukaturi, studenti, familji u NGOs.
Studji riċenti wrew nuqqas fl-għarfien finanzjarju fost iż-żgħażagħ u l-adulti Maltin. Ir-riżultati tal-PISA 2022 juru li tfal ta’ 15-il sena f’Malta kisbu punteġġi taħt il-medja tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) f’suġġetti ewlenin relatati direttament jew indirettament mal-litteriżmu finanzjarju. L-istħarriġ tal-OECD/INFE 2023 indika li adulti bejn it-18 u d-29 sena juru attitudnijiet finanzjarji negattivi, u li f’kull grupp ta’ età hemm ħiliet finanzjarji diġitali limitati, b’Malta tikseb punteġġi aktar baxxi mill-medja tal-OECD fl-għarfien finanzjarju.
“Dawn is-sejbiet jenfasizzaw il-ħtieġa għal intervent bikri fl-edukazzjoni finanzjarja. Huwa għalhekk li bħala Ministeru dħalna f’din il-kollaborazzjoni u sħubija strateġika mal-HSBC Malta Foundation u JA Malta. Dan iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza se jkollu l-missjoni li jappoġġja lill-edukaturi billi jipprovdi l-għodod u l-għarfien meħtieġ ħalli nwasslu sessjonijiet ta’ litteriżmu finanzjarju f’suġġetti differenti. Dan l-approċċ jiżgura li l-edukazzjoni finanzjarja ma tkunx limitata għal suġġetti tradizzjonali bħall-matematika jew l-ekonomija, imma tkun integrata b’mod trasversali, anke f’oqsma oħrajn”, qal il-Ministru Clifton Grima waqt it-tnedija.
Iċ-Ċentru joffri taħriġ akkreditat għall-edukaturi, li huwa bbażat fuq il-qafas ta’ kompetenza għal-litteriżmu finanzjarju tal-Unjoni Ewropea u l-OECD għaż-żgħażagħ.
Il-fażi pilota tal-programm se ssir f’ħames skejjel minn setturi differenti, Statali, tal-Knisja, u Indipendenti li wrew l-impenn biex itejbu l-edukazzjoni finanzjarja. L-iskejjel parteċipanti huma: is-Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara Pembroke; il-Primarja tal-Kulleġġ Santa Klara San Ġwann; l-Iskola Primarja Santa Katerina; il-Primarja u Sekondarja tas-Seminarju tal-Arċisqof u l-Primarja ta’ St. Joseph Mater Boni Consiglii.
Dawn l-iskejjel integraw il-qafas taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza fil-kurrikulu tagħhom biex jippromwovu kultura ta’ litteriżmu finanzjarju u intraprenditorija fost l-istudenti tagħhom.
Bl-implimentazzjoni tal-programm pilota li kien suċċess, iċ-CoE qed iħares li jespandi fi skejjel oħrajn u għalhekk l-iskejjel kollha huma mħeġġa jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva fil-ħarifa li ġejja, biex jikkontribwixxu għall-isforz nazzjonali li jibni soċjetà b’kapaċitajiet fil-litteriżmu finanzjarju u intraprenditorjali.
Lejn tmiem it-tnedija l-Ministru Clifton Grima esprima l-apprezzament tiegħu lil JA Malta, partikolarment lil Matthew Caruana u Petra Ellul Mercer, għall-impenn tagħhom biex din l-inizjattiva ssir realtà. Rikonoxximent ukoll lill-HSBC Malta Foundation għall-appoġġ finanzjarju kontinwu u l-impenn lejn proġetti edukattivi, b’mod partikolari dawk iffukati fuq il-litteriżmu finanzjarju.
Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza fil-Kapaċità Finanzjarja u l-Intraprenditorija u kif tista’ tkun parti minnu, żur: https://jamalta.org/centre-of-excellence/.