Thursday, November 12, 2026
Home Internazzjonali Tnejn imutu wara li ċediet binja fi New York

Tnejn imutu wara li ċediet binja fi New York

0
38

Minn tal-inqas żewġ persuni tilfu ħajjithom u 17 oħra ndarbu wara li binja fi New York iġġarrfet biswit sit ta’ kostruzzjoni. 

L-inċident wassal għal operazzjoni fuq skala kbira ta’ tfittxija u salvataġġ. Aktar minn 250 membru tas-servizzi tal-emerġenza marru fuq il-post fi Brooklyn, fejn kienu għaddejjin b’ħidma biex jippruvaw isibu aktar persuni li setgħu nqabdu taħt it-tifrik.

Sigħat wara, filmati mill-ajru wrew lill-pumpiera joħorġu persuna ħajja minn taħt it-tifrik u jtellgħuha fuq stretcher. Il-persuna kienet mimlija bit-trab.

L-awtoritajiet għadhom qed jippruvaw jiddeterminaw x’wassal għall-kollass f’daqqa tal-binja, li seħħ l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tal-4.00 p.m. ħin lokali.

Il-Kummissarju tad-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar ta’ New York (FDNY), Lillian Bonsignore, iddeskriviet l-operazzjoni ta’ salvataġġ bħala waħda “estremament perikoluża”.

Hija żiedet tgħid li n-nies li kienu fil-binja li ġġarfet, kif ukoll dawk li kienu fis-sit ta’ kostruzzjoni, spiċċaw maqbuda taħt it-tifrik. “Il-membri tagħna ilhom jaħdmu b’mod metodiku u ma waqfux minn mindu waslu fuq il-post,” qalet Bonsignore.

Xi ritratti tal-binja li ġġarrfet, fi Flatbush Avenue, fi Brooklyn, juru li naħa sħiħa tagħha ċediet, tant li l-kmamar tas-sodda u l-armarji spiċċaw esposti. Fost it-tifrik jidhru wkoll oġġetti tad-dar u ħwejjeġ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here