Friday, December 20, 2024

“Tobba u professuri baqgħu sorpriżi kif għadni ħaj … qatt m’għandek taqta’ qalbek”

Jeffrey Bonniċi wara li spiċċa b’50 jum l-isptar b’xi jiem fl-ITU u intubat

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qatt m’għandek taqta’ qalbek. Jien għaddejt minn ħafna. Waħda wara l-oħra. Taħseb li se tkun problema li tgħaddi u tispiċċa tikkomplika. Dejjem imma kelli l-kuraġġ li naffronta kull problema. Bqajt għaddej. Qatt ma ħarist lura. Nemmen li għalxejn tibki għax mhu se ġġib xeon lura. Trid tħares b’mod pożittiv”.

Dan hu dak li ddikjara Jeffrey Bonniċi ma’ IT-TORĊA, wara li intervent mediku li Dellu jagħmel wassal biex għamel 50 ġurnata l-isptar. Għal għaxart ijiem sħaħ spiċċa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU). Intubat.  Kienet sitwazzjoni diffiċli għal aħħar. Tobba u professuri kienu mħassbin bil-kundizzjoni tiegħu. Jesmond imma irnexxielu joħroġ minnha. L-istess tobba u professuri baqgħu sorpriżi kif ħareġ mis-sitwazzjoni li kien fiha u baqa’ ħaj. Jesmond baqa’ jirkupra bil-mod il-mod. Illum jinsab lura d-dar.

Meta titkellem ma’ Jeffrey, tinduna kemm hu persuna pożittiva. Persuna li kien għamel trapjant tal-kliewi u kien anke għamel interventi mediċi oħra. Minkejja kollox Jesmond jemmen li fil-ħajja trid tħares lejn il-pożittiv biex tibqa’ għaddej u jkollok dik il-forza u saħħa tiġġieled dak li jiġi quddiemek.

Jeffrey meta tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “lejn l-aħħar ta’ Ottubru dħalt l-isptar biex amputazzjoni f’saqajja. Dħalt u l-amputazzjoni sa taħt l-irkoppa saret.. Dakinhar kont għamilt xahar l-isptar. Kien jiġi infermier kuljum biex inaddafli saqajja. Dawn huma sitwazzjonijiet normali wara l-amputazzjonijiet. Ġara imma  li l-ferità ma kinitx qiegħda tagħlaq. Il-professuri waslu għall-konklużjoni li kelli nerġa’ nidħol l-isptar f’Jannar. Dan biex jagħmlu amputazzjoni oħra. Din id-darba l-amputazzjoni kienet se ssir minn fuq l-irkoppa”.

Infezzjoni fil-pulmun u sibt ruħi fl-ITU intubat

Jirrakkontalna li “dħalt l-isptar f’Jannar u l-operazzjoni kienet skedata għad-9 ta’ Jannar. Kien kollox normali. F’daqqa waħda lejn l-aħħar ta’ Jannar, spiċċajt b’infezzjoni fil-pulmun. Bdejt nisgħol ħafna. Il-kundizzjoni tiegħi marret għall-agħar. It-tobba raw li s-sitwazzjoni kienet allarmanti ħafna u sibt ruħi fl-ITU.  Hemmhekk spiċċajt anke intubat. Meta tkun intubat litteralment ma tkun taf xejn x’inhu jiġri madwarek. La tkun taf min hemm ħdejn. Lanqas tkun taf li teżisti. Għamilt għaxar ijiem sħaħ. Ġietni tajba għax irnexxieli nirkupra”, jgħid Jeffrey waqt li jieħu nifs ta’ sodisfazzjon.

“Tlift il-kilwa trapjanta u qed nerġa’ nieħu l-kura tliet darbiet fil-ġimgħa”

“Issa ninsab lura d-dar wara 50 ġurnata. Fejn qatt stennejt li se ndum daqshekk?  Naħseb li l-Mulej għadu jridni hawn u rnexxieli noħroġ minn dik is-sitwazzjoni. Wara li ħriġt mill-ITU kelli qisni nibda ħajti mill-bidu. Saħħti kienet spiċċat għal kollox imma bil-mod u bl-għajnuna tal-fiżjoterapisti qed nerġa nakkwista saħħti lura. Il-keded li ħadt fl-aħħar xhur wasslu wkoll biex tlift il-kilwa trapjantata u issa qed nerġa nieħu l-kura tlett darbiet fil-ġimgħa fir-Renal Unit. Irrid pubblikament nirringrazzjahom minn qalbi għad-dedikazzjoni kbira f’xogħlhom”, jiddikjara Jeffrey.

Jenfasizza li “nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-Profs Manuel Farrugia u t-tobba tieghu, lill-Profs Kevin Cassar u t-tobba tieghu, lill-istaff tal-S4,ITU u M7 li tant ħadu ħsiebi, lill-familja u l-ħbieb ta’ ġewwa li kienu miegħi f’dawn il-mumenti diffiċli. Fuq kollox nirringrazzja lil ommi li kienet miegħi l-isptar lejl u nhar u qatt ma ħallietni waħdi. Grazzi Ma”, itemm jgħid Jeffrey Bonniċi.

Ekonomija

Sport