Friday, May 9, 2025

Toħroġ it-tieni edizzjoni tal-ktieb ‘Sweet Maltese Moments’ minn Paul Fenech

Aqra wkoll

Il-ħelu tradizzjonali Malti huwa parti essenzjali mill-identità kulturali tagħna, b’riċetti li jgħaqqdu ġenerazzjonijiet permezz ta’ togħmiet u memorji. Id-dulċier Paul Fenech, qed jagħmel xogħol prezzjuż biex iżomm ħaj dan il-wirt kulinari. Bil-ktieb tiegħu ‘Sweet Maltese Moments 2nd Edition’, li fih diversi riċetta tradizzjonali marbuta ma’ festi reliġjużi u okkażjonijiet speċjali, Paul Fenech mhux biss qiegħed jippreserva dawn ir-riċetti, imma wkoll jirrakkonta l-istejjer wara kull wieħed minnhom.

Fenech jemmen li għandna nkunu kburin bil-wirt tagħna u saħansitra kien issuġġerixxa li Malta għandha jkollha jum iddedikat għall-ħelu tradizzjonali. B’passjoni u dedikazzjoni, qed jiżgura li dawn it-tradizzjonijiet ma jintilfux, imma jingħataw ħajja ġdida fil-kċejjen tal-lum, u saħansitra kiteb it-tieni ktieb tiegħu b’riċetti tal-ħelu.

Tlabna għalhekk jiddeskrivi dan il-ktieb u x’differenzi hemm mill-ewwel ktieb li ħareġ, u jekk hemmx xi ħaġa li tagħmlu aktar speċjali, u hu wieġeb li “dan it-tieni ktieb li żidna hu l-lingwa Maltija u anke l-lingwa Ġappuniża, dan minħabba li qed jinbigħ fl-EXPO li qed issir ġol-Ġappun, u barra minn hekk ġew miżjuda xi riċetti, u anke ġew miżjuda xi riċetti Maltin ġodda, dik hija d-differenza li hemm f’dan il-ktieb.”

Xtaqna naraw ukoll x’ġiegħel lil Paul jispeċċjalizza fil-ħelu u mhux xi tip ta’ ikel ieħor, u wieġeb li mill-ewwel ġurnata li daħal fil-kċina l-ħelu minn dejjem kien is-sessjoni favorita tiegħu u minn kliemu stess: “minn dejjem kont nippreferi nagħmel il-ħelu u mbagħad kont bqajt anke meta ftaħt għal rasi, nagħmel it-tiġijiet, functions oħrajn, u b’dan it-tip ta’ catering aktar komplejt insir inħobb il-ħelu. Konna nagħmlu ħafna l-ħelu Malti, u jien inħobb wisq nagħmel il-ħelu Malti, huwa l-mimmi ta’ għajnejja, il-ħelu Malti huwa xi ħaġa tagħna, u rridu nieħdu ħsiebu aħna, barra minn hekk diġà tlifna diġà ħafna ħelu tradizzjonali li ma għadux isir; ċertu tip ta’ ħelu li kważi ma jibqax jidher, hemm ċertu tipi ta’ ħelu li għadhom isiru biss f’xi tnejn jew tliet dolċeriji hawn Malta, il-bqija n-nies speċjalment iż-żgħażagħ qas jafu bihom aħseb u ara kemm dawn ser jagħmluhom, għalhekk jekk ma nieħdux ħsieb dawn l-affarijiet, u ma nkomplux inrawmu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna f’dan il-ħelu tradizzjonali Malti, ser jgħaddi ż-żmien u nkomplu nitilfu aktar milli għandna.”

Paul Fenech jagħmel ukoll xi xogħol mal-istudenti fl-ITS u huwa wieħed mil-letturi li jagħmlu l-korsijiet part-time f’din l-iskola ta’ taħriġ,  li skont Paul Fenech din l-iskola “qed tagħmel biċċa xogħol fantastika, mhux fuq ħelu biss, imma wkoll fuq l-ikel, u fuq ħelu ieħor, imma jiena għandi aktar konnessjoni ma’ dawk il-korsijiet li jsiru li għandhom x’jaqsmu mal-ħelu Malti, u din qed tgħin fil-kawża biex inkomplu nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-ħelu li għandna, il-ħelu tradizzjonali Malti, u anke għall-ikel Malti, għax l-ikel Malti wkoll irridu nieħdu ħsiebu, għax huwa tagħna u aħna rridu nieħdu ħsiebu, għax jekk ma neħdux ħsiebu aħna ħadd mhu ser jieħu ħsiebu, u rridu nrawmu l-ġenerazzjonijiet li jħobbu dak li hu tagħna, dak li kien tal-antenati tagħna.”

Min irid jakkwista dan il-ktieb jista’ jikkuntattja personalment lil Paul Fenech innifsu fuq 99494762, iżda hemm ħidma għaddejja sabiex dan il-ktieb jiġi ppubblikat, anke biex ikun hemm qligħ għal xi istituzzjoni ta’ karità, u hekk ikun anke ta’ benefiċċju għal nies fil-bżonn, filwaqt li aħna nkunu nistgħu ngawdu minn dan il-ktieb ta’ riċetti mimli ħelu tradizzjonali, u anke nkunu nistgħu nippruvaw aħna stess dan il-ħelu fid-djar tagħna, u mhux biss inkunu qed innisslu nostalġija, imma wkoll qed inżommu l-ikel tradizzjonali Malti ħaj.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport