Wednesday, October 30, 2024

Tour de France: Groenewegen jirbaħ it-tielet stadju

Aqra wkoll

Iċ-ċiklist Olandiż, Dylan Groenewegen (Team BikeExchange–Jayco) – ritratt –  rebaħ it-tielet stadju tat-Tour de France li sar bejn iż-żewġ ibliet Daniżi ta’ Vejle u Sonderborg, ħdejn il-fruntiera mal-Ġermanja, fuq distanza ta’ 182 kilometru. 

Huwa għeleb l-isfida tal-Belġjan, Wout van Aert (Team Jumbo–Visma) li dehru li daħlu ras imb’ras iżda Groenewegen temm b’distanza ta’ żewġ ċentimetri u rebaħ f’ħin ta’ 4:11:33.

B’hekk il-Belġjan kellu jikkuntenta bit-tieni post għat-tielet stadju konsekuttiv.  Dan il-fatt jagħmel lill-istess van Aert il-leader preżent fejn libes il-flokk isfar għat-tieni darba nfila. 

Huwa għandu ħin ta’ 9 sigħat, 1 minuta u 17-il sekonda, segwit mill-kompatrijott tiegħu, Yves Lampaert (Quick-Step Alpha Vinyl Team) li għandu 7 sekondi aktar u mis-Slovakk Tadej Pogacar (UAE Team Emirates) b’14-il sekonda aktar. 

L-istess Poagacer ħelisha ħafif minn inċident, fl-aħħar 10 kilometri, li seta’ kellu konsegwenzi koroh. Huwa kien se jikkraxxja bir-rota fejn tilef għal kollox il-bilanċ iżda rkupra fil-ħin milli baqa’ dieħel ġo barrikata. 

It-Tnejn huwa ġurnata ta’ mistrieħ hekk kif il-poplu Franċiż ikun qed jiċċelebra l-Jum Nazzjonali.   

B’hekk din it-tellieqa tissokta t-Tlieta fejn tidħol fi Franza bejn l-ibliet ta’ Dunkirk u Calais fuq distanza ta’ 171.5 kilometri.  

Sport