Tuesday, April 30, 2024

Irrapportati splużjonijiet f’belt Russa qrib il-fruntiera mal-Ukrajna

Aqra wkoll

Minn tal-inqas tliet presuni tilfu ħajjithom fi splużjonijiet li seħħew fil-belt Russa ta’ Belgorod, li tinsab qrib il-fruntiera mal-Ukrajna. Qal dan il-gvernatur reġjonali Vyacheslav Gladkov. Huwa tenna li dawn l-isplużjonijet qerdu parzjalment 11-il binja ta’ appartamenti u minn tal-inqas 39 dar residenzjali privata. 

L-istqarrija maħruġa mill-gvernatur Russu ma setgħex tiġi kkonfermata b’mod indipendenti mill-midja u s’issa ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tal-Ukrajna. 

Intant fl-aħħar sigħat komplew joħorġu għadd ta’ stqarrijiet kunflinġenti dwar il-belt ta’ Lysychansk fejn kemm il-suldati Russi u anke dawk Ukreni qed jgħidu li għandhom il-kontroll ta’ din il-belt. Din hija l-aħħar belt ikkontestata fir-reġjun ta’ Luhansk. Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-mexxej Ċeċen Ramzan Kadyrov ippubblika filmat li kien juri suldati Ċeċeni f’din il-belt bil-kmandnat jgħid li huma għadhom il-kontroll tal-belt u sussegwentament bdiet operazzjoni ta’ tindif. 

Iżda Kiev ċaħdet dawn ir-rapporti u qalet li l-ġlied għadu għaddej u li l-Ukrajna għandha fil-kontroll ta’ din il-belt. Uffiċjali militari Ukreni ċaħdu wkoll li Lysychansk tinsab iċċirkondata mit-truppi Russi. 

Minn meta r-Russja bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar li għadda, eluf ta’ ċittadini u suldati tilfu ħajjithom jew sfaw feruti filwaqt li minn tal-inqas 12-il miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom. Ir-Russja dejjem insistiet li “l-operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna għandha l-għan li “tiddemilitarizza u tiddenazifika” lill-Ukrajna. Il-pajjiżi tal-Punent irrispondew billi bdew jibagħtu armamenti lejn l-Ukrajna u poġġew sanzjonijiet b’saħħithom fuq ir-Russja. 

Sport