Sunday, December 22, 2024

Traġedja umana fil-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-media internazzjonali ddedikat ħafna spazju għal dak li qiegħed jiġri fil-fruntiera ta’ bejn il-Belarussja u l-Polonja u anke sa ċertu punt bejn l-istess Belarussja u l-Litwanja. Din mhijiex l-ewwel darba li l-Belarussja spiċċat f’ċiklun ta’ kritika relatata mat-tmexxija tal-President Alexander Lukashenko. Filwaqt li kif konna rajna f’artiklu ieħor ġewwa din il-paġna, il-kritika kontra Lukashenko sa ftit xhur ilu kienet ikkonċentrata fuq il-mod ta’ kif il-president ta’ spiss ikasbar is-saltna tad-dritt, tant li kien hemm allegazzjonijiet ġustifikati li kien seraq l-aħħar elezzjoni presidenzjali, issa din il-kritika qiegħda ddur fuq il-mod ta’ kif il-gvern tiegħu qiegħed jittratta eluf kbar ta’ refuġjati. Kif sejrin naraw, dawn iż-żewġ raġunijiet wara din il-kritika huma relatati flimkien fuq aktar minn binarju wieħed.

X’inhu jiġri fil-fruntieri tal-Belarussja?

Skont il-Frontex, għaqda ġewwa ħdan l-Unjoni Ewropea li tissorvelja l-fruntieri tal-unjoni, l-maġġoranza tar-refuġjati li bħalissa huma maqbuda fuq il-fruntiera ta’ bejn il-Belarussja u l-Polonja, u ta’ bejn il-Belarussja u l-Litwanja ġejjin mill-Iraq. Hemm ukoll numru mhux ħażin ta’ nies Afgani u Sirjani. Minkejja li l-Frontex qiegħda tistma li fuq il-fruntiera per-se hemm madwar 4,000 immigrant, fil-Belarus hemm kważi 20,000 immigrant illegali.

Dawn in-nies qegħin jagħmlu minn kollox sabiex jaqsmu l-fruntieri mal-Polonja u l-Litwanja sabiex jidħlu ġewwa l-Unjoni Ewropea. Malli jirnexxielhom jidħlu fl-Unjoni huma jafu li suppost jingħataw l-istatus ta’ refuġjati minħabba li l-liġijiet Ewropej jiddettaw li kulħadd għandu d-dritt li jitlob l-istatus ta’ refuġjat. Naturalment, l-għan ewlieni ta’ dawn l-immigranti huwa li jaslu f’pajjiżi bħall-Ġermanja fejn hemm suq tax-xogħol kbir. 

Akkuża serja fil-konfront tal-Belarussja

Dejjem skont il-Frontex, il-maġġoranza ta’ dawn l-immigranti illegali qegħdin jaslu ġewwa l-ajruport ta’ Minsk, il-belt kapitali tal-Belarussja, permezz ta’ titjiriet minn diversi pajjiżi fosthom minn Istanbul, Bejrut u Bagdad. Ħafna drabi, il-linja tal-ajru li għamlet dawn il-vjaġġi kienet il-Belavia, il-linja tal-ajru nazzjonali tal-Belarussja.

Skont il-gvernijiet Pollakki u tal-Litwanja, wara dan l-influss ta’ refuġjati hemm strateġija Machiavellista ta’ Lukashenko. Fi stqarrija konġunta maħruġa minn dawn iż-żewġ gvernijiet, qiegħed jiġi allegat li l-gvern tal-Belarus organizza operazzjoni massiva ġewwa l-pajjiżi li minnhom jigu r-refuġjati, sabiex ikun faċlitat il-vjaġġ lejn Minsk ta’ dawn il-povri nies, li ta’ min jgħid li aktar minn terz minnhom, skont il-Frontex, huma nisa u tfal. 

Dan qiegħed isir billi l-gvern tal-Belarus qiegħed joħroġilhom il-Visa mingħajr is-soltu skrutinju billi qiegħed jikkonsidrahom bħala turisti. Skont l-istess gvernijiet, kif ukoll skont dikjarazzjoni li għamlet il-Frontex, indikazzjoni ċara li l-Belarussja qiegħda taġevola l-ivvjaġġar ta’ dawn in-nies lejn l-Ewropa ġejja minn numru dejjem jikber ta’ vjaġġi chartered lejn Minsk mill-Belavia. Dan wara li diversi aġenti tal-gvern ta’ Lukashenko jkunu kkonvinċew liI dawn in-nies li sejrin isibu ħajja aħjar għalihom u għall-familja tagħhom ġewwa pajjiżi sinjuri bħall-Ġermanja.

Dejjem skont il-gvern Pollakk u dak tal-Litwanja, malli dawn in-nies jaslu ġewwa Minsk, dawn qegħdin jiġu eskortati minn suldati Belorussi b’mod obbligatorju lejn il-fruntieri li semmejna u addirittura bl-għajnuna ta’ dawn is-suldati jaqsmu l-fruntiera billi jinqata’ l-fence li hemm jifred lill-pajjiżi.

Sfida lejn l-Unjoni Ewropea

Kif konna semmejna f’artiklu preċedenti, l-Unjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena kienet dahlet diversi sanzjonijiet fil-konfront tal-gvern ta’ Minsk minħabba allegazzjonijiet serji u ġustifikati ta’ prattiċi korrotti fl-aħħar elezzjonijiet presidenzjali li saru ġewwa l-Belarussja u li permezz taghhom Lukashenko reġa’ ġie kkonfermat bħala l-mexxej ta’ pajjiżu wara deċenji sħaħ fit-tmexxija.

Skont diversi sezzjonijiet tal-media internazzjonali bbażati fil-punent, wara din l-istrateġija ta’ Lukashenko hemm l-iskop aħħari li minbarra li jpattiha lill-Unjoni Ewropea għas-sanzjonijiet li daħlitlu, huwa jkun qiegħed joħloq kunflitt ieħor bejn Brussell u l-gvern Pollakk li diġà għandu diversi battibekki għaddejjin ma’ sħabu l-membri Ewropej, l-aktar minħabba l-allegat indħil mill-gvern Pollakk fil-mod ta’ kif qiegħda titmexxa l-ġudikatura. 

Dizappunt ieħor fuq in-naha l-oħra tal-fruntiera

Wara d-diżappunt li jkunu sabu jistennihom hekk kif jaslu ġewwa l-Belarussja, wara jiem sħaħ jistennew fil-fruntiera, f’kundizzjonijiet meterjoloġiċi estremi, tant li qiegħed jiġi rrappurtat li diġà mietu għexieren ta’ nies iffriżati, dawk il-ftit li jirnexxielhom jaqsmu l-fruntiera u jidħlu ġewwa l-Polonja qegħdn isibu aktar għawġ jistennihom. Ta’ min jgħid li din is-sena biss, il-gvern Polakk irrapporta aktar minn 33,000 attentat ta’ dħul illegali fil-Polonja mill-fruntiera Belorussa, b’20,000 minnhom saru kollha fix-xahar ta’ Ottubru li għadda. Il-Litwanja qalet li kien hemm aktar minn 5,000 attentat ta’ dħul illegali mill-istess pajjiż matul din is-sena.

Wara li dawn jiġu arrestati mill-armata Pollakka u dik Litwana, dawn l-immigranti illegali qegħdin jiġu mġiegħla jirritornaw lura l-Belarussja minflok ma jinghataw kenn hekk kif huma obligati li jagħmlu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. 

L-iskop ta’ Lukashenko qiegħed jintlaħaq?

Naturalment ir-rifjut tal-gvern Pollakk li jagħti refuġju lil dawn in-nies reġa’ wassal għat-tilwima oħra bejn il-gvern Pollakk u l-Unjoni Ewropea. B’hekk l-iskop ta’ Lukashenko li jkompli jifred lill-membri Ewropej jidher li sa ċertu punt qiegħed jintlaħaq. 

Il-gvern nazzjonalista Pollakk qiegħed jinqeda’ b’din is-sitwazzjoni sabiex jqajjem aktar in-nazzjonaliżmu ġewwa pajjiżu billi qiegħed jgħid li wara Lukashenko hemm l-id moħbija tal-għadu etern tal-Polonja, jiġifieri r-Russja. Sabiex wieħed ikun gust mal-gvern Pollakk, din l-allegazzjoni taf ikollha ċertu sens warajha minħabba li f’dawn l-aħħar jiem, l-armati tar-Russja u dik tal-Belarussja bdew sensiela ta’ eżerċizzji militari qrib il-fruntiera mal-Polonja. Sabiex tkompli tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli, għadu ieħor tar-Russja, jigifieri l-Ukrajna, bdiet xi manuvri militari qrib il-fruntiera tagħha mal-istess Belarussja. B’hekk qiegħed jintlaħaq skop ieħor ta’ Lukashenko li juri lill-Unjoni Ewropea li għadu jgawdi l-appoġġ tar-Russja, appoġġ li mingħajru d-dittatur Belorussu jitlef il-poter kważi b’mod immedjat.

Ekonomija

Sport