Waħda mill-għodod l-aktar importanti biex jonqsu l-karozzi mit-toroq huwa t-trasport pubbliku. Minkejja li saru avvanzi kbar f’dan il-qasam, xorta hemm xi suġġerimenti li għamilt f’artikli passati li b’xorti ħażina nista’ nerġa’ nagħmilhom illum. Għalhekk is-suġġetti li għażilt illum huma riċiklati. Nispera li ħames snin oħra ma jkunx għad baqa’ bżonnhom, għal xi raġuni jew oħra.
Minibuses flok karozzi tal-linja
Kulħadd jaf li Malta huwa pajjiż żgħir b’toroq dojoq. Mela għaliex, pereżempju, f’ħinijiet fejn huwa magħruf li f’ċerti postijiet ma jkunx hemm ħafna passiġġieri, ma tintużax ‘minibus’ minflok karozza kbira tal-linja? Eżempju tipiku hija r-rotta tal-Ġnejna fl-Imġarr Malta fejn mhux l-ewwel darba li jeħel it-traffiku biex tgħaddi tal-linja. Hemm bżonn tinżel karozza tal-linja sħiħa għal żewġ persuni jekk mhux inqas?
Imbagħad hemm rotot ferm inqas iffrekwentati f’ċerti ħinijiet li però importanti li flok ma jitilqu mill- Belt Valletta jistgħu jitilqu minn postijiet eqreb lejn id-destinazzjoni tagħhom, u flok ma titlaq karozza kbira, tista’ titlaq karozza żgħira. Każ tali huwa, l-istess, it-trasport bejn il-Mosta u l-Imġarr wara s-6.00 p.m. Mhux aħjar minibus kull nofs siegħa mill-Mosta milli karozza tal-linja mill-Belt Valletta kull siegħa? Almenu jsir proġett pilota biex jiġi studjat l-effett.
Minibuses itellgħu minn waqfiet iffullati
Tali minibuses jistgħu jintużaw ukoll f’ċerti ħinjiet, f’postijiet, li bil-kontra jkunu wisq iffullati bil-passiġġieri. Fosthom postijiet bħall-Fgura, l-Imsida, Tas-Sliema u ħdejn l-Università fejn mhux l-ewwel darba fil-ħinijiet ta’ filgħodu tgħaddi tal-linja mimlija tant li l-passiġġieri jibqgħu l-art.
Postijiet oħra fejn jista’ jintuża trasport żgħir, huma postijiet fejn qed jinqalgħu u jitranġaw toroq biex fejn ma tgħaddix tal-linja, tgħaddi l-‘minibus’.
Dawn ir-‘relievers’ jistgħu jintużaw ukoll spontanjament billi jekk karozza żgħira jkollha n-numru jidher ċar fuq quddiem, għalkemm passiġġier stenna karozza kbira u ġiet waħda żgħira xorta jinduna bid-destinazzjoni tagħha u jitla’.
Fil-każ li semmejt fl-artiklu ta’ ġimagħtejn ilu fejn il- 122 li tieħu għall-isptar qabżet tliet ħinijiet kulma kien hemm passiġġieri fl-aħħar kienu xi sebgħa. Kieku tellgħethom karozza żgħira u għaddiet mir-rotta normali u ħadet ftit passiġġieri oħra għall-isptar kienet timtela faċilment u kulħadd kien ikun moqdi filwaqt li l-karozza timtela xorta.
Il-gwadann finanzjarju ma jitqisx
Għalkemm karozza żgħira trid xufier daqs il-kbira taħli inqas fjuwil. Iżda meta wieħed iqis li għenet biex il-klijent jibqa’ juża tal-linja minflok jaħlef li ma jerġa’ jużaha qatt, ir-riżultat ta’ vjaġġ aktar b’karozza żgħira jissarraf f’fiduċja ferm akbar u gwadann bla qies fis-sistema tat-trasport pubbliku. Il-kumpanija toħroġ flus għal xufier ieħor darba, imma ma tiggwadanjax klijent darba imma għal ħajtu kollha.
Informazzjoni minn nies jistennew fuq il-waqfa tal-linja
Nemmen ukoll li għandha tiddaħħal applikazzjoni fil-mowbajl jew ikun hemm funzjoni apposta fejn passiġġieri li jkunu qed jistennew lil tal-linja jinfurmaw huma stess lill-kumpanija li hemm ħafna nies jistennew fuq waqfa partikolari. Dan iwassal biex il-kumpanija tkun taf fejn hemm waqfiet iffullati bla ma jċemplu ‘customer care’. B’hekk il-kumpanija tista’ tibgħat karozzi oħra – żgħar jew kbar. U għal darb’oħra s-servizz ikun wieħed sodisfaċenti u l-klijent jerġa’ juża s-servizz. Bis-sitwazzjoni kif inhi l-klijent jista’ jew jgħid li m’għaddietx tal-linja jew li għaddiet u ma tellgħatux.
Devjazzjonijiet
Nemmen ukoll li soluzzjoni oħra tkun li b’komunikazzjoni bejn ix-xufiera u l-kumpanija jekk rotta mhux daqstant popolari, per eżempju jekk ġejja mit-Tramuntana ta’ Malta fix-xitwa, hi u sejra lejn il-Belt Valletta (mhux bil-kontra) u tkun waslet f’punt fejn jgħaddu għadd ta’ karozzi oħra eż. il-Mosta, il-karozza tliet kwarti vojta tista’ tbiddel ir-rotta biex ittella’ persuni li qed jiffollaw f’post li mhux fuq ir-rotta tagħha. Fil-fehma tiegħi, ma jagħmilx sens li filwaqt li għandek karozza tal-linja tliet kwarti vojta għaddejja miċ-ċentru tan-Naxxar, ikollok ċorma nies jistennew għal ħin twil Baħar iċ-Ċagħaq, per eżempju.
Park & Rides imbiegħda u tal-linja għal min għandu karozza
Kont issuġġerejt ukoll fil-passat li f’inħawi bħal Ta’ Qali fejn hemm wesgħat kbar li jkunu vojta għal żmien twil isir ‘Park & ride’ li jieħu nies li jipparkjaw hemmhekk lejn il-Mosta, ir-Rabat u l-Belt Valletta. B’hekk persuna tipparkja b’mod komdu u ssib karozza tistenniha li malli timtela titlaq. Iżda jekk stess xi ħadd jargumenta li tali ‘minibuses’ mhumiex vijabbli, alternattivament karozzi tal-linja nofshom mimlija passiġġeri mill-inħawi jista’ jkollhom ukoll waqfa fil-parking Ta’ Qali u jkomplu jgħabbu n-nies mill-Park & Ride biex malli jaslu jitilqu (bħalma jiġri fil-Marsa). Bħalma dejjem sħaqt, Malta naħsbu wisq fuq tal-linja għal min m’għandux karozza. Hemm bżonn naħsbu wkoll dwar tal-linja għal min għandu karozza.
Nies jittalbu ħdejn tal-linja
Jidher li xi persuni qed ikunu jittallbu ħdejn tal-linja l-Belt Valletta filwaqt li jimmiraw għal persuni bil-ġlekk u jikkonfrontawhom. Affarijiet bħal dawn żgur li ma jinkoraġġixux lil persuni li qed jaħsbuha jixtrux karozza tagħhom, biex jibqgħu jużaw tal-linja. Meta wieħed jikkunsidra li bosta ħaddiema jistennew tal-linja wara li tinżel ix-xemx, żgur li affarijiet bħal dawn jistgħu jaqtgħu qalb min jixtieq juża tal-linja. Għalhekk għandu jkun hemm sorveljanza ħalli jekk xi persuni qed jimmolestaw xi nies, tittieħed azzjoni.
Erġajna morna għal xejn onlajn?
Waħda mir-raġunijiet tad-deheb li għaliha ġie introdott ir-‘remote working’ kienet li jkollna inqas karozzi fit-toroq. Apparti li jissarraf f’inqas traffiku, inqas ħbit u mwiet fit-toroq u inqas problemi ta’ parkeġġ, fil-jiem xitwija, ifisser ukoll inqas persuni jinqabdu fil-gliegel tal-ilma tat-toroq u inqas periklu għall-membri tal-korpi dixxiplinati nfushom. Iżda jidher ukoll li anke xi ‘remote-working’ f’ċerti postijiet tal- Gvern diġà qed jitneħħa. Nemmen li dan qed jiġri wkoll jew minħabba l-konservattiviżmu ta’ ċerti persuni fit-tmexxija jew minħabba nuqqas ta’ tmexxija tajba. Dan għaliex jekk ċerti persuni ma jaħdmux b’mod effiċjenti mid-dar, il-passi dixxiplinari għandhom jittieħdu magħhom biss u mhux mal-grupp kollu tal-ħaddiema. Huwa b’hekk biss li s-soċjetà u t-toroq tagħna jistgħu jibbenifikaw mir-‘remote working’.
Fi żmien ta’ gwerra, ta’ tibdil fil-klima u meta lokalment qed jiġu rapportati aktar imwiet fuq it-toroq, l-inqas li jista’ jsir huwa li joħroġu inqas nies fuq it-toroq. Nispera li ċertu għajdut li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jonqos ir-‘remote working’ mhumiex minnhom. Għaliex inkunu tlifna dak kollu li għallmitna l-pandemija. Min-naħa l-oħra nidħlu wkoll fir-riskju li nerġgħu ngħabbu t-toroq bi sriebet twal u l-parkeġġi bil-karozzi. Dan kollu meta mqar karozza waħda inqas fuq it-toroq kuljum għandha tiġi apprezzata. Bħalma jien stess wara sitt xhur kelli ndaħħal karozza għaliex ikolli bżonnha fi tmiem il-ġimgħa biss għax huwa wisq diffiċli ninqeda b’tal-linja u spiċċajt nużaha kuljum, hekk ukoll tfalijiet żgħażagħ li ftit li xejn għandhom bżonn karozza, jekk jixtru karozza għal darba kultant, malli jistennew karozza u ma tiġix, se jispiċċaw jużaw il-karozza kuljum.
Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.