Wednesday, July 24, 2024

Trippla n-numru tan-nies maħsuba li ġew midfuna ħajja

Tiżdied il-biża’ li mhux se jinsabu aktar nies ħajja speċjalment f’żoni remoti u muntanjużi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

IL-VALANGA DEVASTANTI F’PAPUA NEW GUINEA…

In-numru tan-nies li huma maħsuba li ndifnu ħajja fil-valanga li seħħet fil-Papua New Ginea nhar il-Ġimgħa li għaddiet żdied bil-qawwi. Fil-fatt, skont l-aħħar figuri maħruġa mill-gvern lokali, dan l-ammont huwa stmat li tela’ għal aktar minn 2,000 persuna. Dan jirriżulta t-tripplu ta’ dak li inizjalment kien irrapportat. Barra minnhekk, is-sitwazzjoni fiż-żoni milquta qiegħda aktar ma tmur aktar tiddetorja kawża li qiegħda tiżdied il-biża’ li mhumiex se jinstabu aktar persuni ħajja taħt it-tifrik u t-tajn.

F’ittra li ċ-Ċentru Nazzjonali għad-Diżatri ta’ Papua New Ginea bagħat lin-Nazzjonijiet Uniti (UN) datata l-Ħadd iżda ppubblikata lbieraħ, jingħad li huwa maħsub li f’dan id-diżastru ambjentali hemm 2,000 fatalità. Mentri, stima minn entità separata tal-UN stess niżlet dan l-ammont ta’ vittmi għal 670 persuna. Din id-differenza hija l-aktar minħabba li huwa diffiċli li tkun stabbilita eżattament il-popolazzjoni. L-aħħar ċensiment kien sar fis-sena 2000, 24 sena ilu, fi żmien meta ħafna nies kienu jgħixu f’villaġġi remoti fil-muntanji.

Il-valanga kaxkret il-villaġġ Yambali li jinsab fit-Tramuntana tal-pajjiż. Din seħħet madwar it-3.00 ta’ filgħodu, il-ħin li fih il-komunità kienet rieqda. Aktar minn 150 dar indifnu taħt tajn u tifrik (debris) għoli kważi żewġ sulari. Il-ħaddiema tas-salvataġġ li kienu fuq il-post tkellmu mal-midja lokali fejn sostnew li waqt ħidmiethom semgħu għajjat għall-għajnuna minn taħt saqajhom.

Proprju fir-rigward, resident li tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet “Reuters”qal li, “għandi 18-il membru tal-familja li huma midfuna taħt it-tajn u t-tifrik li bħalissa qiegħed bilwieqfa fuqu. Hemm aktar membri tal-familja li kienu jgħixu fil-villaġġ iżda ma nistax noħroġhom minn hemm taħt… Inħossni li ma nista’ nagħmel xejn”.

Aktar minn 72 siegħa wara li seħħet din il-valanga, ir-residenti għandhom iħaffru bil-pali u b’idejhom bil-għan li jipprovaw isalvaw nies li għadhom midfuna ħajja.

Ekonomija

Sport