Wednesday, July 24, 2024

PAJJIŻ TAJJEB FEJN TGĦIX

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Barrnin li jgħixu jew jinsabu mħajra jiġu jgħixu hawn, għadhom iqisu lil pajjiżna bħala attraenti. Iċ-ċokon tiegħu, il-klima, l-istil ta’ ħajja li biha u fiha jgħixu l-Maltin jidhru li għadhom jiġbdu. Madankollu żdied in-numru ta’ dawk li jaraw kruhat fl-ambjent tagħna. L-iffullar, in-nuqqas ta’ dixxiplina ċivika u ta’ infurzar tal-liġijiet, it-taħsir tal-ambjent huma fatturi li jdejqu sew.

Wieħed jitħajjar jgħid: Mhux x’jaħsbu r-residenti barranin hu importanti imma dak li jifhmu u jqisu l-Maltin! Hemm ċerta verità f’dan. Biss jekk barrani sa ftit tas-snin ilu kellu opinjoni għolja ħafna tal-għajxien hawn, u llum qed jaħbat jitlifha, ir-raġuni għaliex qed jiġri hekk mhux ta’ min jiskartaha.

Il-fatturi li hu jqis bħala negattivi, bla dubju qed jaffettwaw lill-Maltin ukoll. Dawn forsi jkunu aktar tolleranti ta’ xinhu sejjer ħażin imma tajjeb li jżommu f’moħħhom, li jekk il-ħażin jibqa’ jiġi tollerat, x’aktarx jispiċċa jaffettwa lilhom ħażin ukoll. Barrani jista’ jitlaq lura minn fejn ġie. Fil-maġġoranza kbira tagħhom, il-Maltin m’għandhomx dan ir-rimedju.

NAĦAL

Sibtha aħbar interessanti dik li t-tenur Malti Joseph Calleja hu dilettant tat-trobbija tan-naħal. Kien hemm snin meta (talanqas fil-ġnien tiegħi) naqset kważi għal kollox il-preżenza tan-naħal.

Dan l-aħħar, in-naħal reġgħu qed jidhru… m’inix qed ngħid li dan ġara għax Calleja qed irabbihom! Imma donnu li qed jirkupraw.

Ma nistgħux inħallu jikber ir-riskju li n-naħal li jgħixu “għal rashom”, mhux f’xi xehda mlestija għalihom mill-bniedem, jisparixxu għal kollox. Imma baqa’ minnhom? Għax in-naħal huma parti mill-identità tagħna. Kienu jgħallmuna li l-kelma Malta hi meħuda minn kelma bil-Kartaġiniż (jew Aramajk?) li tfisser għasel.

LABIRINT

Kien ili ftit ma nżur is-Swieqi għalkemm bqajt insegwi l-ilmenti ta’ dawk li jgħixu hemm, l-aktar għax jinqabdu fil-mewġ ta’ traffiku li jfur minn Paceville biex ifittex fejn se jipparkja. Il-borg hu organizzat f’forma ta’ toroq orizzontali maqtugħa minn oħrajn vertikali, bħall-Belt Valletta. Suppost li fuq din il-fasla, aktar faċli ssib fejn tmur.

Il-problema għalija did-darba nqalgħet mid-direzzjonijiet ta’ “one way”. Ma’ kull kantuniera trid tibdel id-direzzjoni tas-sewqan. F’kemm ili ngħidlek, minn nord lejn fejn tkun sejjer, issib ruħek fid-direzzjoni kuntrarja. Sakemm terġa’ ddur mal-kantunieri biex terġa’ tiġi lejn fejn trid tmur, jinqalgħu aktar kumplikazzjonijiet ta’ direzzjonijiet imbarrati.

Nimmaġina li dal-labirint inħoloq biex jiskoraġġixxi lis-sewwieqa li jersqu lil hemm milli jipparkjaw. Biss terġa’ u tgħid, sewwieqa hekk se jimportahom mill-“one-ways”, la jridu sempliċement imorru Paceveille? U llum, il-biċċa l-kbira minnhom mhux qed jippreferu jivvjaġġaw bil-Bolt…?

Ekonomija

Sport