Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau akkuża liċ-Ċina li ppruvat tindaħal fl-elezzjonijiet fil-pajjiż.
Trudeau akkuża lil Beijing li qed jilgħab “b’mod aggressiv” mad-demokraziji u li fil-mira tiegħu kien hemm l-istituzzjonijiet Kanadiżi.
Dan hekk kif il-midja lokali qiegħda tirrapporta li l-intelliġenza Kanadiża identifikat “network klandestin” ta’ kandidati appoġġjati minn Beijing fl-elezzjonijiet riċenti.
Qed ikun irrapportat li uffiċjali qalu lil Trudeau li minn tal-inqas 11-il kandidat ġew appoġġjati miċ-Ċina fl-elezzjonijiet federali.
“Ħadna miżuri sinjfiikanti biex insaħħu l-integrità tal-proċessi elettorali tagħna u s-sistemi tagħna u se nkomplu ninvestu fil-ġlieda kontra l-indħil elettorali, kontra l-indħil barrani tad-demokraziji u l-istituzzjonijiet tagħna,” qal Trudeau lill-ġurnalisti.
“Sfortunatament, qed naraw pajjiżi, atturi statali minn madwar id-dija, kemm jekk iċ-Ċina jew oħrajn, qed ikomplu jilagħbu logħob aggressiv mal-istituzzjonijiet tagħna, mad-demokraziji tagħna,” huwa żied jgħid.