Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump stqarr li ma jemminx li l-konfront ma’ l-Iran se jintemm qabel l-elezzjonijiet kruċjali ta’ nofs it-terminu ta’ Novembru li ġej u lanqas ma l-prezzijiet taż-żejt se jonqsu qabel dak iż-żmien. Huwa għamel dawn id-dikjarazzjonijiet waqt li kien sejjer Texas għall-konvenzjoni tal-partit Repubblikan bi tħejjija għall-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu.
Bħalissa Trump qed jiffaċċja tnaqqis konsiderevoli fil-popolarità tiegħu fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kif ukoll qed ikollu pressjoni kbira minn ħdan il-Partit Repubblikan tiegħu stess sabiex itemm il-konflitt mal-Iran.
Huwa qal li l-Iran kien iddisprat biex jipprova jinfluwenza l-elezzjonijiet ta nofs it-terminu, ħalli fil-poter ikun hemm grupp dgħajjef ta’ nies – referenza ċara għad-Demokratiċi. Huwa iżda ma pprovda l-ebda prova għal din l-allegazzjoni.
Fid-diskors tiegħu, huwa rrefera għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon fost l-Amerikani dwar din il-gwerra mal-Iran u sostna li qed imorru fuqu nies u jgħidulu li kien ikun aħjar li kieku ma bediex il-gwerra mal-Iran.
Il-President tal-Istati Uniti inizjalment bassar li l-gwerra – li issa tinsab fis-seba’ xahar tagħha – kienet se ddum biss ftit ġimgħat. Il-kunflitt, u l-konsegwenzi tiegħu fuq kollox, mill-fjuwil sal-prodotti tal-ikel, iżda wasslu għal tnaqqis qawwi fil-popolarità tiegħu, kif ukoll għal pressjoni minn ħdan il-partit tiegħu stess – inklużi partitarji dedikati – biex il-gwerra tintemm malajr.
L-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu se jsiru fit-3 ta’ Novembru u r-Repubblikani jinsabu fil-periklu li jitilfu l-kontroll tal-Kungress. Fil-konvenzjoni, Trump fittex li jagħti spinta ġdida lill-partit bi tħejjija għal Novembru. Storikament, il-partit ta’ president fil-kariga għandu t-tendenza li jitlef siġġijiet fil-Kungress waqt l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu.
Il-ġlied fil-Lvant Nofsani intensifika fl-aħħar jiem hekk kif faċilitajiet taż-żejt madwar ir-reġjun sfaw taħt attakk, fatt li wassal biex jogħla l-prezz globali tal-fjuwil u ta’ kwalunkwe oġġett li jeħtieġ it-trasport bil-baħar.
Nhar l-Erbgħa, il-militar tal-Istati Uniti ħabbar li kien attakka ħames tankers taż-żejt b’rabtiet mal-Iran. Bi tweġiba għal dan, Tehran nediet attakki fuq żewġ destroyers tal-Flotta tal-Istati Uniti u fuq tmien tankers taż-żejt fl-Istrett ta’ Hormuz, u kkawżat ħsara kbira lill-bastimenti, skont il-midja tal-istat Iranjan.
Jum qabel, il-grupp Houthi fil-Jemen – li għandu rabtiet mal-Iran – wettaq sensiela ta’ attakki fl-Arabja Sawdija, li kkawżaw nirien f’faċilitajiet taż-żejt.
Il-ġlied, li reġa’ beda dan l-aħħar wara li x-xahar li għadda skada uffiċjalment il-waqfien mill-ġlied ta’ 60 jum bejn l-Istati Uniti u l-Iran u qajjem ukoll tbassir li ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil tista’ twassal għal rati tal-imgħax ogħla fl-Istati Uniti.

