Minn Cristian Muscat
F’dawn l-erbat ijiem se tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Malta Premier League li se tkun komposta minn bosta konfronti interessanti u diretti.
L-aqwa żewġ partiti se jintlagħbu għada hekk kif Birkirkara jiffaċċjaw lil Hibernians filwaqt li l-ko-leaders Floriana jaffrontaw lil Marsaxlokk li jinsabu żewġ punti warajhom.
Il-programm jiftaħ bil-partita tal-lum bejn it-team promoss ta’ Birżebbuġa St Peter’s u Hamrun Spartans b’dawn tal-aħħar jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti.
Imbagħad il-Ħadd, jinżlu fil-ground Valletta, rebbieħa tal-BOV Super Cup, biex jilagħbu kontra t-team promoss l-ieħor Balzan li jinsabu fil-ħames post tal-klassifika.
Mosta, li qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Floriana jiltaqgħu ma’ Sliema Wanderers u mbagħad it-Tnejn, il-partita bejn Gzira United u Zabbar St Patrick tagħlaq dan il-programm.
Floriana v Marsaxlokk – Dan il-konfront ifakkarna fl-aħħar partita tal-istaġun li għadda meta fil-finali tal-Malta Premier League, Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu x-Xlukkajr li fetħu l-iskor.
It-tieni goal ta’ Floriana wasal b’mod drammatiku u kontroversjali hekk kif wasal minn azzjoni ta’ throw-in fejn Marsaxlokk ipprotestaw li l-player involut ta’ Floriana ma kienx mess il-ballun biex seta’ jiskorja iżda daħal fix-xibka dirett minn throw-in.
Iżda wara konsultazzjoni mal-FVS, il-goal ġie konvalidat biex Floriana ġew inkurunati champions għal rekord ta’ 27 darba.
Iżda s-sitwazzjoni bħalissa hija totalment differenti hekk kif il-Greens jinsabu trawmatizzati bit-telfa tal-finali tas-Super Cup meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0 mir-rivali eterni, Valletta, f’partita li ma ġiehom xejn tajjeb … auto-goal klassiku, tkeċċija u żewġ blalen mal-lasta.
Għaldaqstant, issa jridu jinsew dan id-diżappunt u jridu jagħrfu kif se jorganizzaw lilhom infushom.
Huma għandhom test diffiċli kontra Marsaxlokk li jippossjiedu team qawwi, tant, li ż-żewġ timijiet għadhom ma sofrew l-ebda telfa.
Floriana għandhom lil Paul Mbong sospiż.
Birkirkara v Hibernians – Il-pressjoni tinsab fuq iż-żewġ timijiet hekk kif ġejjin minn telfa u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Aktar minn hekk, filwaqt li Birkirkara ma ħadux punt mill-aħħar żewġ ħarġiet, Hibernians ħadu biss punt minn tliet ħarġiet.
Is-sitwazzjoni tagħhom hija delikata minħabba li telfa tkun tfisser li jkompli jinqata’ l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq.
Hibernians ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Valletta f’liema partita ddiżappuntaw bil-kbir filwaqt li Birkirkara sfaw megħluba minn Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-1.
Birkirkara se jkunu mingħajr il-goalkeeper, Rashid Al Tumi, li fl-aħħar logħba tkeċċa minn fuq il-bank wara li għadda xi kummenti lejn it-terna arbitrali.
Mosta v Sliema W. – It-team rivelazzjoni tal-kampjonat s’issa, Mosta, jaffronta lil Sliema Wanderers li kienu l-aktar club attiv fis-suq tat-trasferiment tas-sajf b’akkwisti ferm prominenti.
Il-Mostin fallew l-ewwel żewġ punti fl-aħħar dehra tagħhom fid-draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk.
Min-naħa l-oħra, il-Wanderers jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif jidher li bħal donnhom sabu r-ritmu u l-forma meta rreġistraw żewġ rebħiet konsekuttivi wara bidu ferm diżappuntanti.
Wieħed irid jara r-reazzjoni tal-Mostin kontra wieħed mill-aqwa timijiet lokali hekk kif jimmiraw li jkomplu bis-sensiela pożittiva tagħhom.
Valletta v Balzan – Friski mis-suċċess tas-Super Cup, Valletta jimmiraw li joħorġu bit-tliet punti kontra Balzan li jinsabu f’żona komda.
Bla dubju li r-rebħa tal-Lilywhites fuq il-Furjaniżi timlihom b’kunfidenza biex ikomplu għaddejjin bil-konsistenza ta’ logħob, tant, li jinsabu fit-tieni post, punt inqas minn Floriana.
L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kien fil-21 ta’ April, 2024, bil-Beltin joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 … filwaqt li l-aħħar rebħa tal-Balzanin waslet nhar id-19 ta’ Diċembru, 2021, bl-iskor ta’ 2-1.
Jekk juru l-istess wirja li wrew kontra Floriana, bla dubju, teżisti possibbiltá kbira li Valletta jakkwistaw it-tliet punti. Iżda fl-istess waqt iridu juru rispett kbir lejn il-Balzanin.
Birżebbuġa SP v Hamrun S. – Birżebbuġa St Peter’s, li flimkien ma’ Gzira United jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, għall-partita kontra Hamrun Spartans, se jkunu taħt it-tmexxija ta’ coach ġdid wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, tħabbret ir-riżenja ta’ Edgar Degabriele.
Dan huwa l-Ispanjol, Luciano Santana Martel, li ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Dan se jġib miegħu esperjenza vasta wara li ħadem f’bosta pajjiżi.
Fl-aħħar partita, l-Ispartans kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Zabbar St Patrick … li tagħtihom is-saħħa mentali biex ikomplu jibnu fuqha … hekk kif jinsabu t-tielet mill-aħħar … bla dubju, pożizzjoni inaċċettabbli fil-livell tal-Ħamruniżi.
Gzira U v Zabbar SP – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa, li għal Gzira United tinkludi dik kontra Floriana bl-iskor ta’ 4-1.
Il-Gżirjani jridu jaraw kif se jdawru l-fortuni tagħhom minħabba li għadhom ma ġabrux punt u minkejja li għadna fil-bidu tal-kampjonat, ir-relegazzjoni għalihom tidher fuq ix-xefaq.
Min-naħa ta’ Zabbar, dawn ma jistgħux ifallu għax jistgħu jinqabdu fiż-żona l-ħamra.




