Saturday, May 4, 2024

TTD 2022 – Malta megħluba minn penalty ivvintat

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina

Slovenja ……….1

Malta …………..0

Penalty ferm dubjuż kien id-differenza bejn is-Slovenja u Malta hekk kif sofrejna telfa ta’ 1-0 liema partita kienet valida minn Grupp H tar-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022.

Għal din il-logħba, il-coach Devis Mangia għamel xejn inqas minn ħames bidliet fejn Zach Muscat, Juan Corbolan, Triston Caruana, Shaun Dimech u Alex Satariano ħadu post Steve Borg, Ryan Camenzuli, Steve Pisani, Paul Mbong u Luke Montebello.

Il-bidu tal-partita kien wieħed inċert għall-Maltin hekk kif damu ma ssetiljaw xi ftit bil-konsegwenza li bdew jixtħu lilhom infus­hom taħt pressjoni b’passes żbaljati meta bdew jippruvaw joħorġu bil-ballun minn wara. 

Iżda mal-ħin bdew jissinkronizzaw l-intuwizzjoni tagħhom biex bdiet tirrenja l-kalma għall-kaos u l-furja li ppruvaw joħolqu l-avversarji, tant, li xejn ma kienu effettivi … sakemm ir-referee għoġbu jsaffar għal penalty “ivvintat” minn kuntatt minimu ta’ Enrico Pepe li kwarta qabel kien irċieva l-istess trattament fil-kaxxa avversarja … li iżda … kien kollox normali għall-istess uffiċjal!!

Kien hemm antiċipazzjoni li wara l-mistrieħ il-Maltin kienu se jikkrollaw iżda psikoloġikament baqgħu b’saħħithom minkejja dik id-doċċa kiesħa, tant, li żammew lill-avversarji milli jidħlu fil-kaxxa tagħna biex prattikament Bonello rari ġie mpenjat.

Peró meta għamlu dan, tliet minuti mit-tmiem, Cain Attard ikkommetta foul fuq Zajc iżda mill-11-il metru, l-istess Bonello salva t-tentattiv ta’ Andraz Sporar … bi bravura kbira. 

Il-pożittiv ta’ din it-telfa kien li l-Maltin qatt ma wrew xi forma ta’ inferjoritá b’logħob intelliġenti u metikoluż … fejn saħansitra ffrustraw ukoll lill-avversarji.   

Appena għaddew erba’ minuta, ħlisniha ħafif meta indeċiżjoni fid-difiża Maltija hekk kif kienet taħt pressjoni, il-ballun wasal għand Damjan Bohar li minn tarf il-kaxxa venven xutt li għadda ftit ċentimetri minn fuq il-mimduda.

Fit-13-il minuta, is-Slo­veni bnew attakk korali minn fuq il-faxxa leminija meta Bohar għadda lejn Mevlja li xeħet cross insidjuż fejn Benjamin Sesko sab l-ispazju iżda minn qagħda ideali falla l-mira.

Fit-22 minuta, f’kontrattakk Malti, Teddy Teuma ma rnexxielux iwassal il-ballun għand Satariano minħabba li ġie mblukkat fil-ħin.

Żewġ minuti wara, is-Sloveni kienu għoddhom fetħu l-iskor meta f’attakk veloċi, id-difiża Maltija kklerjat qasir biex il-ballun wasal għand Sandi Lovric li x-xutt fil-baxx tiegħu ġie devjat minn Shaw u … bl-għajta tal-goal … il-ballun ħakkek ma’ sieq il-lasti u spiċċa f’corner, b’Henry Bonello megħlub għal kollox.

Fit-30 minuta, Cain Attard xeħet cross perfett fil-kaxxa ż-żgħir avversarja iżda Satariano ġie antiċipat fil-ħin minn Jure Balkovec li xeħet f’corner bir-ras.

Fit-33 minuta, waslet l-aħjar azzjoni tal-partita meta Mbong dar ma tliet avversarji fi tliet kwarti ta’ ground u fajjar kanunata li ngannat bil-goalkeeper, Jan Oblak, meta ħarablu l-ballun … iżda rkupra fil-ħin biex salvah eżatt fuq il-linja fatali.

Is-Sloveni għamlu reaz­zjoni mmedjata iżda biex waslu sal-lasta tagħna kkommettaw foul biex iċ-ċans sfumalhom fix-xejn.

Iżda żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, is-Sloveni ngħataw rigal meta r-referee, Andris Treimanis, saffar għal penalty għal kuntatt minimu li għamel Enrico Pepe fuq Miha Mevlja waqt azzjoni ta’ corner. 

Mill-11-il metru SANDI LOVRIC xeħet lil Bonello fuq in-naħa l-ħażina.

Il-ftuħ tat-tieni taqsima kien wieħed kwiet u kellna nistennew sal-65 minuta, biex assistejna għal azzjoni perikoluża … hekk kif il-Maltin skorjaw permezz ta’ Luke Montebello iżda l-goal ġie ġustament imħassar minħabba li fil-proċess, Paul Mbong inqabad f’po­żiz­zjoni ta’ offside.

Imbagħad kien fit-80 minuta li s-Sloveni heddew iżda x-xutt angolat tas-sostituti Miha Zajc intemm ferm barra.

Il-partita ntemmet bis-save kbir ta’ Henry Bonello li tar minn tulu biex salva l-penalty ta’ Sporar … it-tieni wieħed fi żmien sentejn meta l-aħħar darba li għamel kien nhar it-18 ta’ Novembru, 2019, mix-xutt tan-Norveġiż, Alexander Sorloth, liema partita kienet valida mill-Euro 2020, fl-Istadium Nazzjonali.

SLOVENJA: 1-Jan Oblak, 3-Jure Balkovec, 6-Jaka Bijol, 8-Sandi Lovric (23-Jon Stankovic 70), 11-Benjamin Sesko (9-Andraz Sporar 70), 14-Jasmin Kurtic, 15-Damjan Bohar (13-Domen Crnigo 61),  17-Miha Mevlja, 20-Petar Stojanovic, 21-Jan Mlakar (10-Miha Zajc 62), 22-Adam Gnezda Cerin – Coach: Matjaz Kek

MALTA: 1- Henry Bonello, 2-Kurt Shaw, 7-Joseph Mbong (20-Luke Gambin 73), 13-Enrico Pepe, 15-Juan Corbolan (3-Ryan Camenzuli 46), 17-Teddy Teuma, 18-Cain Attard, 19-Alexander Satarino (9-Luke Montebello 59), 21-Shaun Dimech (11-Paul Mbong 58), 22-Zach Muscat, 23-Triston Caruana (10-Steve  Pisani 79) – Coach: Devis Mangia

REFEREE: Andris Treimanis (Latvja)

ASS. REFEREES: Haralds Gudermanis. Aleksejs Spasjonnikovs (Latvja)

RABA’ UFF.: Aleksandrs Golubevs (Latvja)

SKORER: S. Lovric 45 pen (S)

AMMONITI: J. Kurtic (S); E. Pepe, A. Satariano, T. Teuma, L. Montebello, Z. Muscat (M)

Sport