Malta ………..0
Finlandja …..1
Minn Cristian Muscat
Wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed mill-Maltin meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 mill-Finlandja fl-ewwel logħba valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026.
Iżda minkejja din it-telfa kien hemm ħafna punti pożittivi hekk kif il-Maltin qatt ma dehru inferjuri għall-avversarji … anzi bi ftit aktar attenzjoni stajna ksibna d-draw … u saħansitra rbaħna.
Din kienet ukoll l-ewwel partita tal-coach il-ġdid, it-Taljan Emilio De Leo, li għandu mentalitá ta’ football offensiv.
Għall-Maltin iddebuttaw iż-żewġ players barranin li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija James Carragher (Wigan Athletic) u Ilyas Chouaref (FC Sion) … b’dan tal-aħħar ikun l-aktar li mpressjona fost il-Maltin kollha hekk kif jippossjiedi teknika kbira.
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Teddy Teuma għadda tajjeb lejn Joseph Essien Mbong li iżda kellu l-konklużjoni fil-baxx erratika li ntemmet barra.
Il-Finlandiżi wieġbu żewġ minuti wara meta xutt insidjuż ta’ Nikolai Alho ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper, Henry Bonello.
Malta reġgħu ħolqu l- periklu fit-12-il minuta meta Alex Satariano avvanza fil-kaxxa iżda kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jiġi salvat mill- goalkeeper Lukas Hradecky.
Il-Maltin baqgħu territorjalment superjuri u, fl-24 minuta, xutt mid-distanza ta’ Joseph Mbong ġie devjat mid-difiża tal-Finlandja qabel ġie salvat minn Hradecky.
Iżda, fil-31 minuta, kienu l-Finlandja li resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Joel Pohjanpalo kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata parzjalment minn Bonello, u mir-rebound Benjamin Kaliman minn taħt il-lasti spara inkredibbilment għoli.
Ħames minuti wara l-istess Kaliman reġa’ rriżulta bħala theddida fid-difiża Maltija u din id-darba kellu daqqa ta’ ras mill-viċin li ntemmet ftit barra.
B’azzjoni wara l-oħra, fit-38 minuta, il-Finlandja fetħu l-iskor meta konklużjoni mid-distanza ta’ Kaliman ġiet salvata parzjalment minn Bonello, bil-ballun jaqa’ preċiż għand OLIVER ANTMAN li mir-rebound ma ħafirx.
Il-Maltin wieġbu fit-43 minuta meta xutt mill-ewwel mid-distanza ta’ Ilyas Chouaref intemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima il-Maltin ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta Paul Mbong kellu xutt mill-viċin devjat f’corner minn Robert Ivanov b’sidru.
Fit-52 minuta Chouraef xeħet cross għan-nofs b’Paul Mbong ma jilħaqx il-ballun għal ftit millimetri biex seta’ jixħet il-ballun fix-xibka.
Mas-siegħa logħob il-Maltin appellaw għall-penalty meta Alex Satariano deher jitwaqqa’ fil-kaxxa iżda r-referee, Taljan Simone Sozza, ħalla l-logħob għaddej.
Minuti biss wara Paul Mbong xeħet cross għan-nofs iżda pront kien Jere Uronen li antiċipa lil Zach Muscat u tefa’ l-ballun f’corner.
Fil-75 minuta, Chouraef għadda pass perfett lejn is-sostitut Kyrian Nwoko li għeleb in-nasba tal-offside iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet tħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Fit-78 minuta, il-Maltin qalgħu daqqa ta’ ħarta meta tkeċċa Kurt Shaw wara daħla kerha fuq Kaan Kairinen bir-referee Somma l-ewwel jurih il-karta s-safra iżda wara konsultazzjoni mal-VAR bidel il-verżjoni tiegħu u keċċa lill-player Malti permezz ta’ karta ħamra diretta.
Fil-ħin miżjud, Basil Tuma seta’ kiseb id-draw iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata minn Hradecky.
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli (14-Kyrian Nwoko 71), 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Essien Mbong (13-Enrico Pepe 83), 9-Ilyas Chouaref, 10-Teddy Teuma, 18-James Carragher, 20-Paul Mbong (11-Basil Tuma 71), 22-Zach Muscat (Myles Beerman 89), 23-Alex Satariano (2-Adam Magri Overend 83) – Coach: Emilio De Leo
Finlandja: 1-Lukas Hradecky, 4-Robert Ivanov, 7-Oliver Antman (22-Anssi Suhonen 82), 9-Fredrik Jesnsen, 14-Kaan Kairinen, 15-Miro Tenho, 16-Matti Peltola (8-Robin Lod 46), 17-Nikolai Alho, 18-Jere Uronen (2-Tuomasi Olilla 63), 19-Benjamin Kaliman (10-Teemu Pukki 71), 20-Joel Pohjanpalo (21-Daniel Hakans 63) – Coach: Jacob Friis
REFEREE: Simone Sozza (Italja)
ASS. REFEREES: Giovanni Baccini, Davide Imperiale (Italja)
RABA’ UFF: Andrea Colombo (Italja)
SKORER: O. Antman 38 (F)
AMMONIT: M. Peltola (F)
TKEĊĊA: K. Shaw (M)