Sunday, September 8, 2024

TTD 2034: L-Arabja Sawdija bl-offerta għal tournament bħala l-uniku kandidat

Aqra wkoll

L-Arabja Sawdija, l-unika kontes­tant biex tospita t-Tazza tad-Dinja tal-2034, nediet formalment l-offerta tagħha għat-tournament.

Ir-Renju tal-Golf sar l-uniku offe­rent f’Ottubru meta l-Awstralja ħarġet mit-taqtiegħa sigħat qabel l-iskadenza tal-FIFA għad-dikjarazzjonijiet ta’ interess.

Il-Kungress tal-FIFA se jikkonferma lill-ospiti aktar tard din is-sena.

Il-president tal-Federazzjoni tal- Football tal-Arabja Sawdija (SAFF) Yasser Al Misehal, jgħid li l-offerta hija possibbli biss minħabba t-“trasformazzjoni rapida” tal-pajjiż.

Al Misehal żied jgħid: “Li nirrakkuntaw l-istorja tal-football tagħna lid-dinja hija ta’ importanza kbira.

“Għamilna progress bla preċedent kemm fil-logħba tal-irġiel kif ukoll tan-nisa u l-offerta tagħna hija stedina miftuħa lid-dinja biex tingħaqad magħna f’dan il-vjaġġ eċċitanti.”

Minkejja li huwa l-uniku offerent, ir-regolamenti tal-FIFA jirrikjedu li l-Arabja Sawdija tagħmel offerta formali għall-kampjonat.

L-offerta tuża s-slogan “Tkabbir. Flimkien”, li l-Federazzjoni Sawdi tgħid li din it-tema taqbad ir-rabta bejn ir-”Renju, in-nies tiegħu u l-football dinji”.

L-Arabja Sawdija investiet madwar £5 biljun fl-isport mill-2021, meta l-Prinċep tal-Kuruna tal-pajjiż għamilha parti ewlenija mill-istra­teġija tiegħu biex jiddiversifika l-eko­nomija.

Hija ospitat diversi avvenimenti sportivi ewlenin, fosthom fil-football, Formula 1, golf u boxing, filwaqt li l-Fond Pubbliku ta’ Investiment tal-pajjiż nieda s-serje mifruda LIV Golf, ħa l-kontroll ta’ erba’ clubs tal-Pro League Saudi u xtara lil Newcastle United.

Madankollu, ir-Renju tal-Golf ġie akkużat li uża l-investiment tiegħu fl-isport u l-ospitar ta’ avvenimenti ta’ profil għoli biex itejjeb ir-reputaz­zjoni internazzjonali tiegħu – proċess magħruf bħala sportswashing.

Ġiet ikkritikata għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħha, il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fl-2018, l-abbużi tad-drittijiet tan-nisa, il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswa­lità, ir-restrizzjoni tal-libertà tal-kelma u l-gwerra fil-Jemen.

Il-gvern Sawdi jgħid li l-investiment qed jagħti spinta lill-ekonomija, jiftaħha għat-turiżmu u jispira lin-nies biex ikunu aktar attivi.

Skont il-linji gwida tal-FIFA, il-pajjiżi li qed jagħmlu offerta biex jospitaw l-avveniment għandhom jim­penjaw ruħhom li jirrispettaw id- drittijiet tal-bniedem.

Waqt li kellem lill-media Ingliża, f’Diċembru li għadda, il-Ministru tal-Isport tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Abdulaziz bin Turki Al Fai­sal, qal li t-talbiet ta’ ħasil tal-isports kontra l-pajjiż huma “baxxi ħafna”.

“Kull pajjiż għandu lok għal titjib, ħadd m’hu perfett. Aħna nirrikonoxxu dan u dawn l-avvenimenti jgħinuna nirriformaw għal futur aħjar għal kulħadd,” huwa qal.

It-tournament tal-2034 se jkun fix- xitwa biex jiġu evitati t-temperaturi estremi tas-sajf tal-pajjiż, bħal fil-każ tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar.

Se tkun ukoll l-ewwel darba li t-tournament estiż ta’ 48 team se jkun ospitat minn pajjiż wieħed biss.

Il-Marokk, il-Portugall u Spanja ser jospitaw flimkien it-Tazza tad-Dinja tal-2030, bit-tliet logħbiet tal-ftuħ isiru fl-Urugwaj, l-Arġentina u l-Paragwaj.

It-Tazza tad-Dinja tal-2026, l-ewwel waħda li se jkun fiha 48 team, se ssir fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.

Ekonomija

Sport