Wednesday, July 24, 2024

Doping: Pogba jirreaġixxi u jgħid li l-verdett mhuwiex korrett

Aqra wkoll

Il-midfielder ta’ Juventus, Paul Pogba, qal li jinsab “ixxok­kjat” wara li ġie sospiż mill-football għal erba’ snin minħabba reat ta’ doping.

Pogba kkonferma li se jappella lill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS).

Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja rriżulta pożittiv għal Dehydroepiandrosterone (DHEA) wara r-rebħa ta’ Juventus ta’ 3-0 fuq Udinese fis-Serie A, f’Awwissu li għadda.

Il-Franċiż ingħata sospensjoni proviżorja f’Settembru u ntalbet kontroanaliżi. Madankollu, dan ukoll ġie pożittiv.

Il-prosekuturi kontra d-doping fl-Italja talbu biex l-eks midfielder ta’ Manchester United jingħata sospensjoni ta’ erba’ snin – il-piena massima permessa.

U t-Tribunal Nazzjonali kontra d-Doping (TNA) ħabbar nhar il-Ħamis li Pogba issa huwa sospiż mill-football għal erba’ snin.

“Illum ġejt infurmat bid-deċiżjoni tat-Tribunale Nazionale Antidoping u nemmen li l-verdett huwa żbaljat,” qal Pogba fi stqarrija.

“Ninsab imdejjaq, ixxukkjat u qalbi maqtugħa li dak kollu li bnejt fil-karriera tiegħi ta’ player professjonali tneħħili.

“Meta nkun ħieles minn restrizzjonijiet legali, l-istorja sħiħa ssir ċara, iżda qatt ma ħadt xjentement jew deliberatament xi supplimenti li jiksru r-regolamenti kontra d-doping.

“Bħala atleta professjonali, qatt ma kont nagħmel xejn biex intejjeb il-prestazzjoni tiegħi billi nuża sustanzi pproj­biti u qatt ma kont naqra r-rispett jew inqarraq lil sħabi atleti u partitarji ta’ xi wieħed mit-timijiet li lgħabt għalihom, jew kontrihom.”

Ekonomija

Sport