Svizzera ……..1
Spanja ………..5
Spanja saru l-ewwel team li kkwalifika għall-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023 li qed issir fl-Awstralja u fi New Zealand meta f’partita mill-Aħħar 16 għelbu lill-Isvizzera bl-iskor kbir ta’ 5-1.
B’hekk, La Roja pattew għall-umiljazzjoni ta’ 4-0 kontra l-Ġappun fil-fażi tal-gruppi.
Quddiem 43,217, l-Ispanjoli kellhom bidu mill-aqwa meta fil-ħames minuta huma fetħu l-iskor permezz ta’ Aitana Bonmati.
Iżda l-Isvizzeri taw l-impressjoni li kienu se jkunu sfida denja meta fil-11-il minuta huma kisbu d-draw minn auto-goal ta’ Laia Codina meta mingħajr ma ħarset lura hija tat back pass li ħabat mal-goalkeeper, Catalina Coll, bil-ballun jintemm fix-xibka.
Peró, l-Ispanjoli ma damux biex marru fil-vantaġġ meta sitt minuti wara Alba Redondo għelbet lil Gaelle Thalmann b’daqqa ta’ ras stupenda.
Huma skorjaw darbtejn oħra biex daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ 4-1. Kienet Barcelona Bonmati li fis-36 minuta pproduċiet konklużjoni ta’ klassi kbira filwaqt li fil-ħin miżjud Laia Codina pattiet għall-iżball meta kkommettiet l-auto-goal.
Bil-logħba mirbuħa u mitlufa, fit-tieni taqsima Spanjol komplew jamministraw il-partita u ma kienet l-ebda sorpriża li, fis-70 minuta, huma skorjaw il-ħames goal permezz ta’ Jennifer Hermoso li kien it-tielet wieħed tagħha f’dan it-tournament.