Saturday, December 21, 2024

“Tuha ċittadinanza Amerikana”… ħarba ta’ omm Afgana tqila li welldet fuq ajruplan militari Amerikan

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dwar l-Afganistan u l-kunflitt imdemmi smajna ħafna. Fl-aħħar jiem rajna t-tensjoni kbira li kien hemm b’eluf kbar ta’ nies jippruvaw jaħarbu. Mill-istejjer ta’ qtiegħ il-qalb ta’ nies ifittxu kenn, oħrajn li kellhom jaħarbu minn djarhom flimkien mal-ġuħ li qed jaħkem żoni partikolari f’dan il-pajjiż fl-aħħar jiem, qed nisimgħu ukoll bi stejjer li juruk l-umanità. Suldati Amerikani jgħinu tfal Afgani li spiċċaw waħedhom fl-ajruport jew jieħdu ħsieb trabi. Suldati jgħinu familji fl-evakwazzjoni tagħhom. Dak li ġara f’titjira mill-Qatar lejn il-Ġermanja ftit tara bħalu.

Omm Afgana li kienet tqila, tibda l-proċess tat-twelid f’nofs il-vjaġġ. Imdawwra minn xejn inqas minn 300 persuna li litteralment kienu qed jippakkjaw l-ajruplani. Mill-ewwel bdew il-problemi. Ma kienx hemm ossiġnu biżżejjed. Kien hemm bżonn deċiżjoni malajr.

Il-proċess li kienet waslet fi il-mara ma setax jinżamm. Kien hawn li l-kaptan, iddeċieda li l-ajrupan itir ħafna bil-baxx biex b’hekk ikun hemm livell aħjar ta’ ossiġnu. Min hawn ‘l quddiem imbagħad spikkat id-dedikazzjoni, anke jekk it-tim kellu jinbidel xi ftit, biex jassistu lil din l-omm Afgana waqt it-twelid.

Storja li qajmet interess anke fost Maltin fl-Istati Uniti. “Hawnhekk kburin ħafna bil-militar. Wettqu biċċa xogħol kbira biex assistew f’dak it-twelid f’ajruplan ippakkjat. Nittamaw li dik it-tarbija li ommha kellha taħrab minn pajjiżha, tingħata ċittadinanza Amerikana”.

Maltija li tgħix fl-Istati Uniti qaltilna li “hi twieldet abbord ajruplan militari Amerikan, li għamel l-inżul tiegħu bil-bażi ta’ Ramstein fil-Ġermanja. Dik il-bażi hi meqjusa bħala art Amerikana. Imma fejn tidħol ċittadinanza is-sitwazzjoni għal din it-tarbija mhix daqshekk ċara. Dan għax għalkemm il-bażi f’Ramstein hi meqjusa territorju Amerikan, dan ma jgħoddx għal fini ta’ ċittadinanza. Nemmnu imma li tkun xi ħaġa sabiħa ħafna li t-tarbija tingħata ċittadinanza Amerikana”.

Intalbet tassisti għaxar minuti qabel l-inżul tal-ajruplan

Kien għaxar minuti qabel l-ajruplan militari beda l-inżul tiegħu fil-bażi ta’ Ramstein, li raw li din il-mara Afgana kienet fi proċess avvanzat biex twelled. It-titjira kienet għadha kif telqet mill-bażi tal-ajru f’Al Udeid fil-Qatar. L-omm, abbord l-ajruplan kienet mixħuta fl-art qrib il-bieb tal-ajruplan. Waqt it-titjira hi kienet imdawwra minn erba’ nisa Afgani li b’ilbieshom bdew joffrulha l-privatezza. Hi kienet assistita ukoll mill-Maġġur Kristin Blouin, li hi infermiera tal-Qawwa tal-Ajru tal-Istati Uniti u mis-Surġent Lamaar Melvin, li hu medical technician. 

Ma kinitx taf bl-Ingliż… bdejt nipprova nagħmel kuntatt bl-għajnejn biex nuriha li kollox sew 

Il-kaptan Erin Brymer, li hi infermiera u qabla fil-Landstuhl Regional Medical Center fil-Ġermanja, assistiet lil din l-omm waqt it-tqala. Ma kinitx faċli. Kif spjegat hi stess, l-omm ma kinitx taf tikkomunika bil-lingwa Ingliża, u għalhekk Brymer bdiet tikkommunika magħha bl-għajnejn. 

“Bdejt inħares f’għajnejha, biex nuriha li kollox kien sejjer tajjeb u li setgħet twelled b’mod sigur. Urejtha li konna lesti biex isir it-twelid”, tispjega Brymer.

“Kien mument mill-isbaħ meta sar it-twelid u aħna poġġejnieh mill-ewwel fuq sider ommha”, tispjega Brymer. 

Il-Kaptan iħabbar li t-tarbija kienet tifel… ikkoreġa ftit wara

Waqt il-proċess il-pilota tal-ajruplan kien qed jinżamm aġġornat b’dak li kien għaddej. Immedjatament wara it-twelid, iddikjara mill-ewwel li “it-tarbija hi tifel”, iżda kien f’dak il-mument li l-uffiċjali tal-armata madwar l-omm, bdejt jgħajtu li kienet ‘tifla’.  Il-kaptan fil-pront ikkoreġa, u ddikjara, ‘it-tarbija hi tifla”.

Nuqqas ta’ ikel u nuqqas ta’ ilma hi problema li qed taffettwa nisa tqal Afgani

Tobba mill-isptar ta’ Landstuhl, qed jirrakkontaw kif fost dawk li qed jaħarbu mill-Afganistan hemm għadd ta’ nisa tqal. Il-kundizzjoni tagħhom mhix dejjem hi waħda tajba u dan minħabba li qed jinstab li dawn in-nisa għamlu jiem sħaħ bi ftit ikel u ilma. Dan minnunfih jista’ jaffettwa it-tqala b’mod negattiv.

Imħarrġin imwelldu f’’field hospitals’… imma qatt ma wellidt fuq ajruplan

Il-kaptan Brymer tgħid li “aħna imħarrġin biex noperaw u anke nwelldu f’field hospitals. Qatt imma ma wellidt fuq ajruplan u f’dawk il-kundizzjonijiet.  Dan hu mument li mhu se ninsieh qatt.”

“Meta ħriġna mill-ambulanza biex nidħlu fl-ajruplan militari, xi wħud mill-persuni li konna evakwajna bdew jgħidulna li “ma rridux irġiel” u kien għalhekk li flok assista Melvin mort jien. 

Tingħata l-isem ta’ ‘REACH’

It-tarbija ingħatat l-isem ta’ Reach, li hu l-call sign tal-ajruplan C-17 Globemaster, li hi kienet fuqu. Matul it-titjira l-omm bdiet tesperjenza diversi kumplikazzjonijiet minħabba pressjoni baxxa fid-demm.  Il-pilota iddeċieda li jtajjar l-ajruplan aktar fil-baxx. 

Dan minnu nfih seta’ ħoloq problemi fit-titjira, iżda d-deċiżjoni tal-kaptan mhux biss ġiet imfaħħra minn diversi uffiċjali oħra tal-armata Amerikana imma qed titqies bħala li kienet deċiżjoni li salvat ħajjet il-mara.”

Ritratt U.S. Air Force

Ekonomija

Sport