Sunday, December 22, 2024

Turist imut waqt qabża minn wieħed mill-ogħla bungee jumps fid-dinja

Aqra wkoll

Turist Ġappuniż miet waqt li kien qed jaqbeż  minn fuq waħda mill-ogħla pjattaformi tal-bungee jump fid-dinja. Jingħad li r-raġel ta’ 56 sena żviluppa qtugħ ta’ nifs u ntilef minn sensieħ ftit wara li lbieraħ qabeż minn fuq il-pjattaforma f’għoli ta’ 764 pied fit-Torri ta’ Macau.

Huwa ttieħed l-Isptar Conde S. Januário fil-Makaw, ‘il barra mill-kosta tan-nofsinhar taċ-Ċna, iżda wara ftit siegħat ġie ddikjarat mejjet.

Skypark li hija propjetarja tal-kumpanija AJ Hackett Macau Tower Ltd., torganizza u tmexxi attivitajiet fosthom il-bungee jump titħallas madwar £280 għal kull qabża ta’ persuna waħda. Skypark topera wkoll bungee jumps fi Franza, Singapor u l-Awstralja.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li qed tikkoopera mad-dipartimenti governattivi rilevanti hekk kif qed issir investigazzjoni dwar l-inċident.

Fl-inċident tal-bieraħ, it-turist segwa r-rekwiżiti kollha tas-sigurtà qabel il-qabża tal-Bungy Jump.

Meta l-istaff  sar jaf li t-turist kien qed iħossu ma jiflaħx wara l-inżul, huma immedjatament taw l-ewwel għajnuna u sejħu lill-awtoritajiet għall-għajnuna medika.

Skypark tgħid li wettqet b’suċċess erba’ miljun qabża fuq aktar minn 30 sena u tiftaħar bir-rekord perfett ta’ sigurtà tagħha.

Fil-paġna tagħha fuq l-internet dwar is-sigurta, il-kumpanija ssostni li taħdem biex tevita u tipprevjeni inċidenti u każijiet ta’ mard permezz ta’ metodi ta’ rappurtar tal-perikli effettivi.

Il-pjattaforma fil-Macau Tower hija t-tieni l-ogħla fid-dinja, wara Zhangjiajie Glass Bridge Bungee li jinsab ukoll fiċ-Ċna.

Ekonomija

Sport