Friday, November 29, 2024

Twettaq xogħol li għandu jservi bħala l-bażi għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta

Aqra wkoll

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar ir-Rapport tal-Inkjesta dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li “twettaq xogħol li għandu jservi bħala l-bażi għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta”.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wara li reġa’ tenna s-sogħba tiegħu għal din it-traġedja qal li huwa xehed tlett darbiet quddiem l-inkjesta u f’kull okkażjoni fisser dak kollu li kien qed jagħmel biex fis-settur tal-kostruzzjoni isir it-tibdil li kien meħtieġ biex is-saħħa u s-sigurta ta’ kull ħaddiem f’kull post tax-xogħol tkun imħarsa.

Huwa fakkar li l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA ħadmet biex wettqet 70 minn 77 rakkomandazzjoni tar-Rapport Quintano li kien sar wara t-traġedja ta’ Miriam Pace. Waħda minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienet propju li jsir il-Liċenzjar tal-Kuntratturi u mill-ewwel xhur tal-2022 inbeda l-proċess biex jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar dan.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi, poġġa fuq il-mejda tal-Kamra Stqarrija tal-Kamra tal-Periti li fl-4 ta’ Novembru tal-2022, xahar qabel it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, kienet diġà qed tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li r-regolamenti dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi kienu se jiġu ppreżentati lill-Kamra tal-Periti u dan ġie kkonfermat bi stqarrija oħra tal-istess Kamra aktar tard f’Diċembru.

Huwa fakkar dak li ntqal fl-inkjesta li l-industrija tal-kostruzzjoni ilha marida 40 sena u fisser kif anke wara sentenza fil-qorti dwar il-każ kriminali ta’ traġedja fil-kostruzzjoni li saret fil-bidu tas-snin 2000, ma sar xejn mir-rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet il-Maġistrat, illum Imħallef, Consuelo Scerri Herrera.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr li huwa kien qal mill-bidu nett li l-liċenzjar tal-Kuntratturi huwa biss l-ewwel pass f’sensiela ta’ bidliet li kellhom iseħħu fis-settur. Irrefera għas-sejha tal-Inkjesta biex issir il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi u qal li dan kien ippjanat imma l-ewwel biex tikklassifika lill-Kuntratturi kien hemm bżonn li ssir taf min qed jaħdem f’dan il-qasam.

Fakkar li sa ftit xhur ilu kienet teżisti biss il-liċenzja tal-bennej li l-ewwel liġi dwarha saret aktar minn mitt sena ilu. Hawn ukoll saret konsultazzjoni pubblika biex fiż-żmien li ġej jkun jista’ joħroġ l-avviż legali dwar dan.

Fakkar ukoll fix-xogħol li għamel il-Fakulta tal-Liġi tal-Universita li tqabbdet minnu biex tiġbor kompendju tal-liġijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni biex issa fil-fażi li jmiss jaraw kif dawn il-liġijiet ikomplu jiġu aġġornati.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li fl-aħħar xhur bdew jigu implimentati  investimenti sostanzjali fis-sistemi tal-informatika  kemm tal-OHSA u anke tal-BCA biex dawn isaħħu l-operat tagħhom u l-infurzar. Dan ukoll, qal il-Ministru huwa rakkomandazzjoni tal-inkjesta li qegħda diġa tiġi mwettqa.

Hawnhekk huwa saħaq li x-xogħol li twettaq għandu jservi bħala bażi ħalli fiż-żmien li ġej jkompli t-twettieq tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta. Kif fil-fatt ser jiġri bit-twettieq ta’ rakkomandazzjoni oħra li tkun aġġornata l-Liġi tal-OHSA li ntemmet il-konsultazzjoni dwarha u issa jmiss li l-Abbozz ta’ Liġi jitressaq fil-Parlament.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal ukoll li l-Gvern huwa impenjat li jikkonkludi l-abbozzi tal-Kodiċijiet tal-Bini li minkejja li x-xogħol fuqhom kien ilu għaddej is-snin, fl-aħħar laqgħat li kellu mal-President tal-Kamra tal-Periti intwera n-nuqqas ta’ qbil tal-Kamra mal-kontenut ta’ dawn il-kodiċijiet.

Hawnhekk il-Ministru ċaħad li xi ħadd ipprova jwaqqaf il-proċess biex dawn il-kodiċijiet ma jitlestewx. Aspett ieħor li semma l-Ministru Zrinzo Azzopardi kien dak tal-assigurazzjoni għal proġetti ta’ kostruzzjoni u fisser kif għall-ewwel darba sar obligatorju li jkun hemm forma ta’ assigurazzjoni għal kull proġett.

Huwa qal li issa fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta iridu jsiru taħdidiet ma’ li stakeholders kollha biex jinstab l-aħjar metodu kif ikunu introdotti sistemi ta’ assigurazzjoni ta’ Employers’ Liability.

Il-Ministru temm jgħid li l-pajjiż għandu jkompli jaħdem u jħares ‘il quddiem biex dak rakkomandat mill-inkjesta jkun implimentat.

Sport