Sunday, December 22, 2024

Twissija għal min qiegħed iwaqqa’, jiskava jew jagħmel xogħol ta’ bini

Aqra wkoll

F’dan il-perjodu ta’ xita li qed tagħmel bosta, xi drabi anki bil-qliel, l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni ħarġet twissija lil dawk li qed iwaqqgħu, jiskavaw jew jagħmlu xi xogħlijiet biex jaraw li ma jagħmlux ħsara lill-ġirien minħabba infiltrazzjoni ta’ ilma.

Matul ix-xhur tax-xitwa, partikolarment fil-ġranet meta tagħmel ħafna xita, in-numru ta’ każijiet fejn sidien ta’ djar isofru minn dħul ta’ ilma fid-djar tagħhom jiżdied sew. Ir-regolamenti tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, partikolarment il-Liġi Sussidjarja 623.06, jirrekjedu li l-iżviluppatur għandu jieħu l-prekawzzjonijiet raġonevoli kollha sabiex jassigura li l-attività ta’ kostruzzjoni ma tirriżultax f’xi ħsara lill-proprjetajiet, inkluża ħsara li tista’ tirriżulta mill-infiltrazzjoni ta’ ilma. 

Għaldaqstant, l-Awtorità wissiet li l-iżviluppatur għandu jieħu ħsieb li ma jħalliex ħitan u soqfa mikxufa, bħal konsenturi u fessuri, fl-ispazju li fuqu ser jibni u jiksihom b’materjal adegwat sabiex ma jħalliex ilma jinfiltra fi proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Fin-nuqqas ta’ dan u kemm il-darba li l-iżviluppatur u  l-ġar ma jaslux għal ftehim biex jissewwew il-ħsarat, il-ġar għandu d-dritt li jinfurma b’mod uffiċjali b’rapport dettajat bil-miktub, inkluż evidenza fotografika, lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sabiex l-Awtorità timblokka l-garanzija bankarja sakemm il-ġar jissottometti provi li nbdew proċeduri ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ għal kumpens għal ħsarat ikkaġunati lill-proprjetà. 

Ekonomija

Sport