Wednesday, April 24, 2024

ORIZZONTI ĠODDA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-politika sservi biex toffri soluzzjonijiet għall-problemi li jkunu qed jinqalgħu. Imma aktar minn dan, il-politika trid tkun il-pjattaforma minn fejn jintgħarfu l-isfidi resqin u mistqarra l-ideat u l-politika li se jibdlu r-realtajiet tal-lum.

Dan talanqas hu l-ideal tal-politika kif għandha tkun. Rari jintlaħaq. Biss, l-aqwa mumenti tal-politika f’Malta u barra kienu u huma meta jsir minn kollox biex jintlaħaq.

Il-problema hi li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jidher li dan m’għadux xi imperattiv fil-politika moderna. Sakemm ma jkunx hemm xi kisra lejn l-estremiżmu populista, ftit jinħarġu għażliet differenti. Il-qbil ma’ ekonomija liberali mmexxija skont ir-regoli tas-suq, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea li magħha ġie l-obbligu li jkunu segwiti regoli ta’ tmexxija komuni għal kważi tletin pajjiż, ifissru li ftit —  ikun min ikun fil-gvern — tista’ tinbidel il-linja ta’ tmexxija, minkejja r-retorika politika li tintuża.

Ħafna jifhmu minn hekk li l-politika m’għadhiex tista’ sservi aktar biex tiftaħ orizzonti ġodda.

RAĠONEVOLI

Waħda mill-kontroversji politiċi qawwija li jinsabu għaddejja bħalissa f’Iżrael (hemm aktar minn waħda) tikkonċerna l-bidla li l-gvern ta’ Netanjaħu jrid idaħħal fis-sistema legali u ġudizjarja. Għandha diversi laqtiet imma waħda minnhom tippernja dwar il-firxa li għandhom jieħdu l-ġudizzji li joħorġu mill-qrati.

Deċiżjoni qadima imma influwenti tal-qorti Iżraeljana kienet waħda fejn  qieset jekk meta ħa deċiżjoni, gvern kienx mexa b’mod raġonevoli fiċ-ċirkostanzi li kellu quddiemu. Illum qed jintqal li mhuwiex il-kompitu tal-qrati li jiġġudikaw dwar xinhu raġonevoli jew le, imma biss li jqisu jekk il-gvern ikunx mexa skont il-liġi. Allura l-proposta hi li dal-kriterju ta’ inhu “raġonevoli” ma jkunx aktar jista’ jintuża mill-qrati.

KO-BELLIĠERENTI

Meta żewġ jew aktar pajjiżi jkunu involuti fi gwerra flimkien kontra xi ħaddieħor bla ma jkunu alleati marbuta flimkien b’xi trattat, jitqiesu bħala ko-belliġerenti. Il-pajjiżi tal-punent membri tal-Unjoni Ewropea, bħala membri tan-NATO jew le, qed jagħtu appoġġ sħiħ lill-Ukrajna fil-gwerra tagħha mar-Russja, imma mhumiex involuti fil-ġlied direttament. Qed jagħmlu dan anke billi jibagħtu armi sofistikati lill-Ukreni.

Xorta waħda ma jitqisux bħala ko-belliġerenti u b’mod ċar il-maġġoranza kbira tal-gvernijiet ma jridux jasal sa hawn. Madankollu fid-diskorsi u l-proposti li jsiru minn diversi politikanti din id-distinzjoni fina ta’ spiss donnha tintilef. 

Jeżistu preċedenti għal din il-qagħda. Matul sena jew aktar, qabel ma daħlet direttament fil-gwerra għaddejja bejn il-Ġermanja tan-Nażi u r-Renju Unit, b’tal-aħħar f’pożizzjoni imwegħra, l-amministrazzjoni Amerikana tal-President Roosevelt kienet tipprovdi armamamenti u kull tagħmir tal-gwerra lill-gvern Brittaniku ta’ Churchill. Għamlet dan fil-beraħ imma bla ma saret ko-belliġerenti.

Sport