Minn Cristian Muscat
Il-kowċ ta’ Qormi FC, Clive Mizzi, ma setax jaħbi s-sodisfazzjon tiegħu wara li t-tim tiegħu rebaħ il-BOV Amateur Cup b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra Victoria Hotspurs fil-finali li ntlagħbet fiċ-Centenary Stadium fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Kienet wirja dominanti minn Qormi li għalqu staġun mimli emozzjonijiet bi trofew prestiġjuż, minkejja d-diżappunt li ma rnexxielhomx jiksbu l-promozzjoni għall-BOV Challenge League. Emerson Vella fetaħ l-iskor ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, filwaqt li David Emmanuel Garba skorja doppjetta f’temp ta’ ħames minuti fit-tieni taqsima. Ayrton Azzopardi żied ir-raba’ gowl lejn it-tmiem biex issiġilla rebħa memorabbli.
Wara l-logħba, il-Viċi President tal-Malta FA Adrian Casha u ċ-Chief Operations Officer tal-BOV Ernest Agius ippreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Qormi Eman Camilleri fost ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji tagħhom.
Meta tkellem wara l-finali ma’ dan is-sit, Clive Mizzi ammetta li din kienet partita differenti minn oħrajn matul dan l-istaġun.
“Kienet finali partikolari ħafna,” beda jgħid Mizzi. “Aħna ġejjin minn delużjoni kbira għax ma lħaqniex l-għanijiet tagħna u għalhekk mentalment kienet sfida kbira biex terġa’ tqajjem lit-tim. Però rrid ngħid li l-plejers u l-klabb kollu qamu għall-okkażjoni.”
Il-kowċ ta’ Qormi spjega kif l-approċċ taż-żewġ timijiet kien differenti ħafna. Filwaqt li Victoria Hotspurs kienu għadhom ġejjin mill-ferħ tal-promozzjoni, Qormi kellhom jittrattaw id-diżappunt li tilfu ċ-ċans li jitilgħu. Huma litteralment ħarġu bħall-iljuni u bħal qisu kien hemm dik it-tpattija sportiva.
“Il-Hotspurs kienu ġejjin minn atmosfera differenti għax huma rnexxielhom jieħdu l-promozzjoni. Aħna, min-naħa tagħna, konna diżappuntati bil-mod kif spiċċa l-kampjonat. Imma kultant il-futbol jagħtik ċans ieħor biex turi l-karattru tiegħek, u nemmen li għamilna dan.”
Mizzi faħħar il-mod kif il-plejers tiegħu daħlu għall-konfront determinati li jagħtu risposta pożittiva. “Għamilna partita tajba ħafna mill-bidu sal-aħħar. Konna aggressivi, organizzati u ffukati. Irbaħna tazza importanti u dan żgur jagħti sodisfazzjon lil kulħadd.”
Madankollu, minkejja ċ-ċelebrazzjoni tat-trofew, Mizzi ma ħebiex li f’qalbu baqa’ ċertu dispjaċir għall-fatt li l-promozzjoni ma waslitx.
“Hi ħasra li rbaħna t-Tazza iżda l-għanijiet tal-kampjonat ma ntlaħqux. Ovvjament finali dejjem tagħtik sodisfazzjon, speċjalment meta tirbaħha b’dak il-mod, iżda nibqa’ nemmen li kellna l-kwalità biex inkunu aktar viċin il-promozzjoni.”
Il-kowċ Malti, magħruf għall-personalità determinata u l-mentalità ta’ xogħol tiegħu, wasal ma’ Qormi FC f’Novembru tas-sena 2025 biex jieħu t-tmexxija tat-tim għall-bqija tal-istaġun. Tul il-karriera tiegħu, Mizzi bena reputazzjoni bħala wieħed mill-aktar kowċis rispettati fil-futbol lokali, b’esperjenzi ma’ diversi klabbs fosthom Melita FC, Gżira United, Sliema Wanderers u Naxxar Lions.
Meta ġie mistoqsi dwar il-livell tal-kampjonat BOV Amateur League 1, Mizzi ddeskrivieh bħala wieħed “stramb” u diffiċli biex tbassar x’kien se jiġri.
“Kien kampjonat partikolari ħafna. Ma bdejtx mat-tim sa mill-bidu, iżda minn dak li rajt, kulħadd kien qrib xulxin. L-inkonsistenza kienet il-fattur prinċipali. Kull tim tilef punti fejn ma kontx tistenna.”
Hu feraħ lil Attard FC għas-suċċess tagħhom. “Nemmen li Attard kien jixraqlu jitla’ bħala tim u minn hawn nieħu l-okkażjoni sabiex nifirħilhom. Kienu konsistenti aktar minn ħaddieħor u fil-futbol dak jagħmel differenza kbira.”
Madanakollu, Mizzi sostna li diversi timijiet oħra kienu viċin ħafna wkoll. “Kien hemm timijiet bħal Qormi, Mqabba, Lija u Victoria Hotspurs li kollha ġġieldu sal-aħħar. Kien kampjonat bilanċjat ħafna u xi episodji jew dettalji żgħar kienu kruċjali.”
Skontu, il-promozzjoni ta’ Victoria Hotspurs kienet meritata, iżda fl-istess waqt jemmen li kien hemm timijiet oħra li bħalhom ma kinux konsistenti.
“Bla dubju li timijiet bħal Lija Athletic u Mqabba FC jistgħu jħossuhom sfortunati wkoll. Meta kampjonat ikun daqshekk bilanċjat, dejjem ikun hemm min jispiċċa ddiżappuntat.”
Minkejja kollox, Mizzi jinsisti li l-istaġun ta’ Qormi ma jistax jitqies bħala wieħed negattiv. “Ma jfissirx li kien staġun ta’ diżappunt biss. Kellna wkoll ħafna mumenti pożittivi. Irbaħna Tazza, rajna plejers jikbru u ħloqna bażi tajba għas-sena li ġejja.”
Aspett ieħor li semma kien il-fatt li erba’ timijiet niżlu relegati, fatt li jagħmel il-kompetizzjoni aktar iebsa għas-snin li ġejjin.
“Anke r-relegazzjoni kienet intensiva. Waqgħu erba’ timijiet u dan juri kemm il-livell kien kompetittiv. Minn issa ’l quddiem irridu nibnu fuq dak li għamilna.”
Meta ħares lejn il-futur, Mizzi deher ottimist dwar il-potenzjal ta’ Qormi.
“Nemmen li Qormi se jkun tim b’saħħtu ħafna s-sena d-dieħla. Il-klabb għandu ambizzjoni, għandu nies li jridu jaħdmu u għandu plejers tajbin. Jalla jkollna kampjonat aħjar minn dak li kellna din is-sena.”
Huwa temm billi rringrazzja lill-partitarji u lil kull min ta sehmu matul l-istaġun.
“Nixtieq nirringrazzja lill-plejers, lill-istaff tekniku, lill-kumitat u lill-partitarji kollha. Fil-mumenti diffiċli baqgħu magħna u dik tagħmel differenza enormi. Finali bħal din tagħtik sodisfazzjon, iżda fuq kollox tagħtik motivazzjoni biex tkompli taħdem għal aktar suċċessi fil-futur.”


