Zero Sei Futsal komplew jiktbu l-istorja tagħhom hekk kif ġew dikjarati Champions Nazzjonali tan-Nisa tal-ENEMED Futsal League 2025/2026 wara rebħa dominanti ta’ 6-0 kontra Luxol Argus fil-finali tal-kampjonat.
B’din ir-rebħa prestiġjuża, Zero Sei Futsal issa rebħu t-tielet trofew tal-istaġun, konferma ċara tad-dominanza u l-konsistenza tagħhom matul sena memorabbli għall-klabb.
Il-finali kienet mimlija intensità, kwalità u emozzjoni, b’Zero Sei juru karattru qawwi u prestazzjoni ta’ livell għoli sabiex jispiċċaw fuq nett tal-futsal Malti. Vanessa Honorio Carneiro kienet protagonista assoluta bi tripletta, filwaqt li Charlene Marie Cassia, Nicole Espinel Bautista u Eliza Csik żiedu aktar gowls għat-tim champions. It-tim wera organizzazzjoni difensiva soda, moviment veloċi fl-attakk u determinazzjoni kbira sal-aħħar minuta tal-logħba.
Il-kisba taċ-Championship tkompli ssaħħaħ l-istatus ta’ Zero Sei bħala wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom fil-futsal Malti, wara staġun li fih il-plejers, il-kowċis u l-istaff kollu ħadmu bla waqfien biex jilħqu l-ogħla livell.


